Kulħadd għandu jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jibqa’ b’saħħtu u jevita l-konsegwenzi koroh li tista’ ġġib magħha s-sħana.
Hekk stqarret is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ma’ ONE News, sigħat qabel ma mewġa ta’ sħana qawwija mistennija tgħaddi minn fuq Malta.
“Prevenzjoni waħda minnhom hija li inti tevità li toqgħod f’postijiet fis-sħana. Jekk għandna t-temperaturi li qed jogħlew, noħorġu f’ħinijiet fejn huwa iktar frisk fejn huwa possibbli. Jekk se tagħmel l-eżerċizzju li huwa tajjeb ħafna, aħjar tagħmlu filgħaxija jew f’postijiet li għandhom l-airconditioning ħalli tevita l-heat exhaustion. Barra minn hekk importanti l-ikel li nieklu. Nieklu dejjem dieta bilanċjata. Dejjem nenfasizzaw l-importanza tal-ilma biex nevitaw dehydration u nevitaw affarijiet li fihom il-kafeina u anka l-alkaħol.”
Il-Professur Gauci fakkret fil-mewġa tas-sħana qawwija ta’ sena ilu, meta t-temperaturi f’Lulju laħqu l-massimu ta’ iktar minn tnejn u erbgħin gradi celcius.
Fil-fatt ċifri mill-Awtorità tas-Saħħa juru li bejn is-sittax u l-ħamsa u għoxrin ta’ Lulju li għadda, kien hemm tmenin persuna iktar li tilfu ħajjithom, b’ħafna minnhom kawża tas-sħana.
“Infatti matul dak il-perjodu kellna ammont sostanzjali ta’ ambulance calls li joħorġu biex jgħinu lin-nies li rduppjaw minn dak l-ammont li naraw ta’ kuljum. Barra minn hekk kellna ħafna nies li ġew l-emerġenza minħabba effetti tas-sħana u anka kellna nies li kellhom bżonn jidħlu l-isptar u sfortunatament anka kellna mwiet.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tenniet kif filwaqt li s-sħana taffettwa lil kulħadd, jista’ jkollha effetti aktar serji fuq l-anzjani, it-trabi, it-tfal u persuni li jbatu minn mard kroniku.
Għalhekk aċċennat kif peress li l-anzjani ma jaqbadhomx għatx, l-inqas ħaġa li persuna tista’ tagħmel hija li tagħti ċempila u tfakkar biex wieħed jieħu ħsieb saħħtu.
“Ejja nżommu kuntatt speċjalment mal-anzjani li qegħdin jgħixu fil-komunità li forsi nafu li mgħandhom lil ħadd jieħu ħsiebhom. Ejja anka b’telefonata regolari nkellmuhom kuljum ħalli dejjem infakkruhom fil-mezzi ta’ prevenzjoni u anka nieħdu ħsiebhom ħalli jekk hemm xi sintomi, aħna nkunu nistgħu nġibulhom l-għajnuna.”