Celine Dion kienet l-istilla fost l-istilel fl-avveniment li ċċelebra l-karriera tad-disinjatur tal-moda Lebaniż Elie Saab u li sar f’Riyadh, l-Arabja Sawdija.
Wara li rajniha tirritorna lura fid-dinja tal-ispettakklu waqt l-Olimpjadi ta’ Franza dan is-Sajf, sentejn wara li kien instab li qed issofri minn ‘Stiff Person Syndrome’, il-kantanta Kanadiża dehret f’forma mill-aqwa hekk kif kantant quddiem udjenza li kienet tikkonsisti prinċiparjament minn personalitajiet fil-qasam tal-moda u l-ispettakklu.
Hija telgħet fuq il-palk l-aħħar waħda wara Jennifer Lopez, Camilla Cabello, Nancy Ajram u Amir Diab fejn irnexxiela tnessi lil dawk preżenti li kienu jappartjenu għall-istess klassi hekk kif ikkatturat l-attenzjoni b’tali mod li irrealiżżaw li kienu qegħdin fil-preżenza ta’ leġġenda.
L-attenzjoni kollha marret fuqha hekk kif waslet bil-karozza anke jekk it-tapit l-aħmar kien mimli ċelebritajiet li dak il-ħin kienu qed jiġu intervistati.
Fl-għeluq tal-ispettaklu hija kantant żewġ diski ikoniki – “The Power of Love”, li oriġinarjament kienet inħarġet minn Jennifer Rush fl-1984 u li Dion kienet ħarġet cover version tagħha fl-1993 u wara għamlet remix Għarbija tas-suċċess tagħha tal-2002 “I’m Alive” li fl-ambitu ta’ dak li seħħ f’dawn is-sentejn saret tfisser ħafna aktar minn qatt qabel.
Filwaqt li b’kollox ma damitx aktar minn 10 minuti fuq il-palk, però l-impatt kien ferm itwal fejn għalaq b’mod stupend waħda mill-akbar iljieli tal-moda u d-divertiment li qatt saru fl-Għarabja Sawdija hekk kif dan il-pajjiż qed jipprova jikber fl-isfera tax-xena kulturali internazzjonali, filwaqt li Celine Dion żgur li kkonfermat ruħha bħala waħda mill-akbar talenti ħajjin fid-dinja.