Celia Falzon inħatret bħala Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru responsabbli għax-Xogħol.
F’din l-istqarrija ntqal li Falzon serviet f’diversi rwoli ta’ tmexxija fosthom bħala Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei u l-Kap Eżekuttiv tal-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek, fost oħrajn.
Fl-irwol tagħha bħala Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei bejn l-2020 u l-2024, Falzon mexxiet l-isptar matul il-pandemija tal-COVID-19.
Intqal li bħala Kap Eżekuttiv tal-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek, bejn l-2017 u l-2020, wettqet riformi importanti bħal dik li rat din is-sezzjoni taqleb għal sistemi teknoloġiċi bil-għan li l-ħaddiem jaħdem f’ambjent aqwa u l-klijent jirċievi servizz aktar effiċjenti.
Il-Ministru Byron Camilleri feraħ lil Celia Falzon għal din il-kariga ġdida, filwaqt li rringrazzja lil Leonid McKay għall-ħidma li wettaq f’Jobsplus.