L-Italja rebħu l-kampjonat Ewropew tal-EURO 2020 meta għelbu lill-Ingilterra bl-iskor ta’ erbgħa kontra tlieta wara l-għoti tal-penalties.
L-Ingilterra kellhom bidu, deskritt minn bosta ġurnalisti sportivi madwar id-dinja, bħala “spettakolari”, meta marru fil-vantaġġ wara żewġ minuti biss. Imma l-logħba nbidlet meta fit-tieni nofs tal-partita, it-Taljani ħadu l-kontroll tal-logħba u kisbu dro.
L-iskor sad-disgħin minuta, u wara l-ħin miżjud, baqa’ ta’ wieħed b’wieħed, u l-logħba spiċċat bil-penalties.
Mumenti wara tmiem il-finali, il-kowċ tat-tim Ingliż Gareth Southgate ddeskriva t-telfa tal-Ingliżi bħala waħda ta’ weġgħa kbira imma qal li l-plejers taw dak kollu li setgħu.
Din kienet l-ewwel darba li l-Ingliżi għamluha għall-finali f’ħamsa u ħamsin sena.
Il-partitarji Ingliżi wkoll kienu diżappuntati immens bit-telfa tal-Ingliżi mat-Taljani.
Mas-sittin elf partitarju Ingliż inġabru fil-grawnd ta’ Wembley filwaqt li miljuni oħra raw il-logħba f’pubs, żoni għall-partitarji u fi djarhom madwar il-pajjiż.
Id-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge, li kienu fil-grawnd mal-Prinċep George, awguraw lit-tim Taljan.
Min-naħa l-oħra, il-partitarji Taljani li ppakkjaw naħa waħda biss tal-grawnd, kantaw u ferħu mal-innu Taljan fil-ħin li l-maġġoranza tal-Ingliżi bdew iterrqu ’l barra minn Wembley.
Xena ta’ qsim il-qalb għal kull min kien qed jittama li t-tazza ħa tibqa’ l-Ingilterra, bin-noti tal-Big Ben fl-isfond u spettaklu ta’ nar tal-ajru.
Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għall-Ingliżi, speċjalment meta l-plejer żagħżugħ Luke Shaw skurja l-ewwel gowl wara żewġ minuti biss, u l-partitarji kollha madwar id-Dinja bdew joħolmu li jtemmu stennija ta’ ħamsa u ħamsin sena u verament “It’s Coming Home”.
Kien għadu lanqas sar l-aħħar penalty, li skatta attakk razzist.
Il-plejers Marcus Rashford, Jadon Sancho u Bukayo Saka huma t-tliet plejers Ingliżi li tilfu l-penalties, u t-tlieta għandhom karnaġġjon skur.
Il-kowċ Southgate qal li l-abbuż razzjali li sofrew dawn it-tliet plejers mill-Italja u partitarji Taljani ma jistax jinħafer.
Il-Prim Ministru Boris Johnson u l-Assoċjazzjoni tal-Futbol ukoll ikkundannaw dan l-attakk.
Dawn il-plejers ġew attakkati anki fuq il-midja soċjali, u l-Pulizija Ingliża qed tinvestiga dan l-abbuż.
B’differenza, it-tim Taljan kien f’ewforija, u madwar l-Italja kollha ddominaw xeni ta’ ċelebrazzjoni.
Bosta partitarji nġabru f’partijiet differenti tal-pajjiż jifirħu bir-riżultat, u kienu ħafna dawk li laqgħu lit-tim mal-waslu tiegħu lura f’Ruma bit-trofew tul il-jum tat-Tnejn.
Ir-rebħa f’Wembley għat-Taljani kienet l-ewwel waħda għal dan it-tim f’din il-kompetizzjoni sa mill-elf disa’ mija u tmienja u sittin.