Il-Juventus Club Vero Amore, l-ewwel klabb uffiċjali tal-partitarji ta’ Juventus f’Malta, qed jiċċelebra l-50 anniversarju notevoli tiegħu din il-ġimgħa bi programm speċjali li laħaq il-qofol tiegħu biż-żjara ta’ erba’ eks players ikoniċi ta’ Juventus – Moreno Torricelli, Angelo Di Livio, Alessandro Birindelli, u Nicola Legrottaglie.
Il-klabb, li huwa t-tieni l-eqdem klabb uffiċjali tas-supporters ta’ Juventus fid-dinja, qed jimmarka dan it-tragward tad-deheb b’sensiela ta’ avvenimenti għall-kważi 600 membru tiegħu.
Nhar il-Ġimgħa filgħaxija sar pranzu ġewwa restaurant ewlieni fil-Mellieħa, filwaqt li s-Sibt intlaħqu l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet b’avveniment fil-klabb fejn il-membri kellhom l-opportunità li jiltaqgħu b’mod mal-players infushom. Matul il-lejla, l-isponsors tal-klabb ġew ippremjati wkoll.”
Fost il-mistednin speċjali, Moreno Torricelli, magħruf għall-oriġini umli tiegħu bħala mastrudaxxa qabel ma ngħaqad ma’ Juventus fl-1992, għamel 153 dehra fis-Serie A għall-Bianconeri, u skorja darba. Difensur tal-lemin bla heda, Torricelli rebaħ tliet titli tas-Serie A, Coppa Italia, u rebaħ it-trofew taċ-Champions League tal-1996.
Angelo Di Livio, imlaqqam “Soldatino” għall-qawwa bla heda tiegħu fuq il-ġenb tal-lemin, lagħab 186 logħba tas-Serie A għal Juventus, fejn skorja tliet gowls. Huwa rebaħ tliet titli tas-Serie A, iċ-Champions League tal-1996, u rrappreżenta lill-Italja 40 darba.
Alessandro Birindelli, difensur versatili li seta’ jilgħab fuq iż-żewġ naħat, qatta’ 11-il staġun ma’ Juventus, fejn akkumula 196 dehra fis-Serie A u skorja goal. L-unuri tiegħu jinkludu tliet titli tas-Serie A u Tazza Intertoto. Huwa kien ukoll wieħed mill-ftit li baqgħu mal-klabb matul il-kampanja tas-Serie B tiegħu fl-2006/07.
Il-player l-ieħor qed iżur Malta huwa Nicola Legrottaglie, difensur ċentrali b’saħħtu u b’esperjenza. Huwa lagħab 86 logħba fis-Serie A għal Juventus, fejn skorja ħames gowls, u għen lit-tim jirritorna fis-Serie A wara Calciopoli. Legrottaglie lagħab ukoll 16-il logħba mat-tim nazzjonali Taljan.
Intant, waqt konferenza stampa li saret is-Sibt wara nofsinhar fil-Juventus Club Vero Amore f’Santa Venera, dan is-sist saqsa lill-erba’ players imsemmija kemm iħossu li nbidel il-futbol u anke Juventus u t-tim nazzjonali Taljan. Huma wieġbu bla tlaqliq li l-livell inbidel ferm u wieħed ma jistax jikkumpara dawn iż-żminijiet differenti flimkien u dan jgħodd ukoll kemm għal Juventus kif ukoll għat-tim nazzjonali Taljan.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqasl-erba’ players kellhom kliem ta’ tifħir għall-Juventus Club Vero Amore mmexxi mill-president ħabrieki Joseph Fenech, waqt li faħħru bis-sħiħ lil pajjiżna għas-sbuħija unika tiegħu.
Intanat, mistoqsi minn dan is-sit jekk hemmx iktar attivitajiet ippjanati fl-okkażjoni speċjali tal-50 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Juventus Club Vero Amore, Joseph Fenech wieġeb fl-affermattiv iżda stqarr li għalissa kienu ffukati fuq iż-żjara ta’ dawn l-erba’ players li fissret ħafna xogħol għall-club.