Jumejn qabel ma tintemm is-sena, ingħataw dettalji dwar l-ispettaklu li se jkun għaddej fil-belt kapitali fl-aħħar jum tal-elfejn u sbatax.
Biex kollox jindika li l-aħħar tokki ta’ din is-sena, u l-ewwel ftit tal-elfejn u tmintax, se jintlaqgħu bil-kbir fil-Belt Valletta; bis-sena l-ġdida tkun dik li matulha, il-kapitali Maltija se tkun il-belt kapitali Ewropea tal-Kultura.Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu bbażati fi Pjazza San Ġorġ, bi programm stupend li jibda għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija u jibqa’ għaddej sas-sagħtejn ta’ filgħodu.
Artisti lokali se jdaħħlu lill-folla preżenti fi spirtu ta’ festi permezz tal-mużika tagħhom.
Magħhom se jingħaqdu dawk internazzjonali b’interpretazzjonijiet ta’ wħud mill-aqwa suċċessi mużikali ta’ kull żmien b’mod kontemporanju.
Għalkemm l-attenzjoni se tkun fuq Pjazza San Ġorġ, fi Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkani se jkunu għaddejjin buskers speċjali msejħa moonlight walkers biex iferrħu lil kull min ikun għaddej.
Ma’ dan kollu hemm ukoll kunċetti ġodda li pajjiżna qatt ma ra qabel, fosthom aerial show b’ballerina tiżfen fuq l-udjenza fi Pjazza San Ġorġ f’ballun mimli helium.
Il-qofol tal-lejla jintlaħaq bil-countdown bil-ħidma ta’ studenti tal-MCAST bi proġezzjonijiet tridimensjonali sinkronizzati mal-mużika.
Wara ssegwi xow spettakolari b’logħob tan-nar tal-ajru li jpaxxi ’l għajn ta’ dawk preżenti, flimkien m’effetti speċjali sparati minn fuq il-palk – li huwa l-ikbar wieħed li qatt intuża f’Malta f’attivitajiet ta’ lejlet l-ewwel tas-sena.
Is-servizz tat-trasport pubbliku għal dan il-lejl, inkluż dak bil-baħar, se jibqa’ għaddej sal-erbgħa ta’ filgħodu.
Huwa mistenni li għal din iċ-ċelebrazzjoni jattendu madwar 70,000 ruħ.