It-tfal jifirħu bil-karti mitfuha mill-gallarija jakkumpanjaw il-banda kif ukoll daqq ta’ marċi poplari ikaraterizzaw it-toroq ċentrali Rabtin. Atmosfera ta’ festa ċċelebrata mir-Rabtin kif ukoll minn Maltin u turisti, li ma jitilfux l-okkżżjoni li jgawdu dan il-jum minkejja li t-temp mhux fost l-aqwa li kien dan l-aħħar.
Rabti li kien qed josserva l-atmosfera qal kif ir-Rabtin ma jħallux it-temp jaffetwahom basta jgawdu l-festa tal-patrun.
“Atmosfera mill-isbaħ, aħna ma nidejjqux mill-maltemp. Il-festa, festa kbira, l-aqwa festa li hawn ġo Malta”
Il-festa hija wkoll ta’ memorja sabiħa tat-tfulija għal Rabtija li ltqajna magħha u ma għadhiex tgħix fir-raħal.
“Il-festa ta’ San Ġużepp iġġibli memorji sbieħ anke ta’ meta kont għadni żgħira ġifieri dejjem hawnhekk anke peress li trabbejt dawn in-naħat”
Il-festa tattira wkoll lil persuni li ġejjin minn diversi rħula oħra madwar Malta.
“Sinċerament l-ewwel darba li tlajt għall-festa, qed nieħu pjaċir ħafna, dejjem ngħid se nilta’ mal-ħabiba tiegħi u għedtilha li din id-darba nitla’ żgur. Festa sabiħa, ikun hawn ħafna nies u fettilli tlajt”
L-atmosfera ta’ ċelebrazzjoni ofriet spirtu festiv, mhux biss matul il-jum tat-Tlieta iżda saħansitra minn qabel:
“Aħna l-festa ta’ San Ġużepp ingawduha mill-bidu sal-aħħar. Nibdew l-Erbgħat, il-ħruġ tal-istatwa ta’ San Ġużepp fil-Knisja, imbgħad it-Tridu ma nitilfu xejn. Dalgħodu kont il-paniġierku, mill-paniġierku għad-dar inlesti ruħi għall-marċ, għax jibda minn maġenb id-dar. Kelli kważi 200 balloon, tfajnihom kollha”
Wara l-marċ, ir-Rabtin jippreparaw għall-purċissjoni li tkun hi li tagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-patrun tant maħbub San Ġużepp.