Se jiġu organizzati ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-ewwel sezzjoni taż-żgħażagħ tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija fil-Mosta, magħrufa bħala tal-Istilla.
Għal dan il-għan, nhar is-Sibt 27 ta’ Jannar se ssir quddiesa fil-Bażilika tal-lokal, bis-sehem tal-Kor Marija Assunta, waqt li ċ-ċelebrazzjonijiet festivi jissoktaw fis-sede tas-soċjetà.
Dawk li jattendu mistennija jġeddu l-memorji ta’ minn fejn beda kollox fl-1999 biex inħoloq l-ewwel kumitat tas-sezzjoni li sal-lum il-ġurnata għadu jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-festa tal-lokal u biex din tkompli tikber.
Minbarra li tagħti s-sehem tagħha fil-festa ċċelebrata fil-15 t’Awwissu, is-sezzjoni torganizza l-marċ ta’ filgħodu, flimkien mal-kumitat ċentrali, waqt li tieħu ħsieb l-armar.
Ma’ dan, tieħu ħsieb ukoll wirjiet li jsiru matul is-sena, bħal dawk tal-Ġimgħa l-Kbira u fil-Milied, waqt li, permezz ta’ kummissjoni għat-tfal li twaqqfet iżjed minn sena, torganizza attivitajiet speċifikament għaż-żgħar.