Il-finalisti tal-X factor UK 2015 Reggie and Bollie se jkunu fost l-artisti li se jagħtu spettaklu fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tas-sena, biex b’hekk għall-ewwel darba se jieħdu sehem artisti barranin, dawn id-dettalji tħabbru dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.
Ic-chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef spjega li dawn l-avvenimenti se jlaqqgħu flimkien il-maġija u l-atmosfera festiva mal-parti kbira tal-kapitali Maltija. Il-mużika se tikkumplimenta projezzjonijiet innovattivi li ħejjew flimkien l-MCAST u l-Fondazzjoni 2018.
Il-Ministru għall-kultura Owen Bonnici esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod ta’ kif pajjiżna rnexxilu jattira l-attenzjoni fuq pajjiżna permezz ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, meta sa ftit snin ilu l-Maltin kienu jsegwu dawn il-festi f’xi belt Ewropea bħal Pariġi u Londra fuq it-televiżjoni. Il-Ministru qal li dan se jsir permezz ta’ spettaklu ta’ valur ta’ intratteniment ogħli li jigbed lejh il-pubbliku in-generali kif ukoll it-turist li jkun qed iqatta’ l-btala tiegħu hawn Malta.
Il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet huwa kollu b’xejn u aċċessibbli għal kull min jixtieq jidħol il-Belt Valletta u jgawdi minn atmosfera speċjali nhar l-ewwel tas-sena.