Nhar il-Ħamis, 30 ta’ Ottubru, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta ospita ċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni għall-15-il Kompetizzjoni tal-Arti fejn kienu preżenti l-istudenti rebbieħa, l-għalliema u l-ġenituri. Bi sħab mad-Direttorat għas-Snin Bikrin, Lingwi, u Umanistiċi tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka, u Innovazzjoni, l-avveniment iċċelebra t-talent artistiku ispirat mit-tema, “Karru bil-Kulturi Maltin u Ċiniżi” fejn l-istudenti kienu mħeġġa jpinġu filwaqt li jużaw elementi mill-kultura ta’ Malta u taċ-Ċina.
B’kollox, 12-il student irċevew premjijiet fejn kisbu l-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-premju ta’ artist li jipprometti f’żewġ kategoriji: Grupp A, għall-Gradi 7 u 8, kif ukoll Grupp B għal Gradi 9 u 10. Sandra Ebejer, Direttur fid-Direttorat, faħħret it-talent tal-istudenti, u nnotat li l-edukazzjoni fl-arti fi ħdan kuntesti kulturali tarrikkixxi b’mod profond it-tkabbir individwali. Yuan Yuan, Direttur taċ-Ċentru Kulturali Ċiniż, enfasizzat kif kull biċċa xogħol artistika tgħaqqad il-Lvant mal-Punent, u ssaħħaħ il-ħiliet u l-konnessjonijiet, waqt li tispira viżjoni konġunta għal futur aħjar.
Ix-xogħlijiet tal-arti kienu jinkludu l-bnadar nazzjonali taż-żewġ pajjiżi, flimkien ma’ simboli nazzjonali bħall-merill u l-panda ġganteska. Draguni, strutturi preistoriċi Maltin, tempji Buddisti Ċiniżi, bajtar tax-xewk, bambù, suldat tat-terrakotta u kavallier ta’ San Ġwann komplew isebbħu dawn l-opri.
Għalkemm l-ebda wieħed mill-istudenti għadu ma żar iċ-Ċina, kollha wrew ix-xewqa li jagħmlu dan. Elania Tonna, rebbieħa tal-ewwel premju u studenta fit-tmien sena fl-Iskola għall-Arti Viżiva u Performattiva fil-Ħamrun toħlom li xi darba jkollha ċ-ċans tara l-binjiet u l-arkitettura taċ-Ċina.
Ir-rebbieħa tat-tieni premju Aaliyah Mercieca, studenta fis-seba’ sena fil-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla, stqarret li tixtieq tesperjenza ż-żfin tradizzjonali Ċiniż u d-disinji artistiċi tagħhom, filwaqt li Jayme Hili, student fl-għaxar sena fl-istess kulleġġ f’Bormla u wkoll rebbieħ tat-tieni premju qal li jixtieq iżur il-Ħajt il-Kbir u jara wkoll l-iljunfanti Ażjatiċi.
Tyler Mintoff, student fl-għaxar sena li rċieva l-premju bħala artist li jipprometti, li jattendi l-Kulleġġ ta’ Santa Tereża fl-Imrieħel qal li jekk iżur iċ-Ċina, jixtieq jesplora l-iżviluppi moderni tal-pajjiż. Min-naħa l-oħra, Joelle Vella, studenta fl-għaxar sena fil-Kulleġġ ta’ San Ġorġ Preca l-Ħamrun li rebħet l-istess premju, qalet li tħossha affaxxinata mill-istorja, il-moda, u t-teknoloġija straordinarja taċ-Ċina.
Din il-kompetizzjoni mhux biss iċċelebrat it-talent żagħżugħ Malti iżda saħħet ukoll ir-rabtiet kulturali bejn Malta u ċ-Ċina, u ispirat lill-istudenti biex jesploraw perspettivi ġodda permezz tal-arti.