F’riċeviment annwali tal-“iftar” li jorganizza l-Partit Laburista flimkien mal-komunità Musulmana f’Malta, ħareġ il-messaġġ t’appell għar-rispett – valur li m’għandux politika, reliġjon jew konfini.
L-attività kienet indirizzata mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Chris Cardona, li stqarr li l-valuri tal-familja, karità u imħabba huma valuri tas-soċjetà kollha.
Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, imdawwar b’nies li jħaddnu Reliġjon differenti iżda li huma parti mis-soċjetà Maltija, Chris Cardona fakkar li l-Partit li huwa Deputat Mexxej tiegħu, huwa l-Partit li dejjem ħadem biex il-minoranzi f’pajjiżna ma jaqgħux lura.
Dan isir billi fost l-oħrajn il-Partit jibqa’ viċin il-komunità Musulmana u jisma’ x’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħha u l-isfidi li taffaċċja.
Fakkar kif Gvern Laburista żamm mal-wegħda li jgħin l-iskola Mariam al Batool, u se jibqa’ jagħmel dan anki matul din il-leġislatura.