F’raħal ċkejken, Carmen għamlet ħajjitha kollha ddur b’ħuha qassis. Meta l-Knisja lil Carmen tabbandunaha, hija tilbes il-libsa metaforika tal-qassis il-ġdid, u tibda tara d-dinja – u lilha nnifisha – f’dawl għal kollox differenti.
‘Carmen’ huwa l-isem ta’ produzzjoni Maltija-Kanadiża li nġibdet f’Għawdex u li ħarġet sentejn ilu; produzzjoni li se tirrappreżenta lil Malta fl-ewwel edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival, li fetaħ il-bibien tiegħu llejla f’Dar il-Mediterran, il-Belt.
Il-film ibbenefika minn għajnuna permezz ta’ fondi pubbliċi: mill-Kummissjoni Maltija tal-Films, mill-Creative Malta, u mill-Malta Film Finance.
Il-Mediterrane Film Festival, li qed torganizzah il-Kummissjoni Maltija tal-Films, se jkun konvenzjoni annwali li se ġġib flimkien lill-pajjiżi tal-MED9 biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejniethom fuq proġetti ta’ films filwaqt li jinħolqu aktar opportunitajiet ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn f’dan il-qasam. Il-pajjiżi tal-MED9 huma Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, Malta, il-Portugall, is-Slovenja, u Spanja.
‘Carmen’ hija mara li titlef kollox u trid terġa’ tibda mill-bidu. Pierre Ellul minn Falkun Films, il-kumpanija Maltija li kkoproduċiet il-film flimkien ma’ oħra Kanadiża, qal li l-produzzjoni hija bbażata fuq l-istorja vera taz-zija tad-direttur tal-film, il-Maltija-Kanadiża Valerie Buhagiar.
Qal, “Hija storja ħelwa ħafna fejn il-karattru prinċipali tal-film, li huwa Carmen, jagħti leħen lin-nisa kollha tar-raħal tagħha biex ibiddlu ħajjithom u jibdew mill-ġdid, bħalma kellha tibda mill-ġdid hi.”
L-attriċi ewlenija tal-film ‘Carmen’ hija l-Ingliża Natascha McElhone, magħrufa għall-irwoli notevoli tagħha f’films bħal ‘The Truman Show’ u ‘Solaris’ u s-serje televiżivi ‘Californication’ u ‘Designated Survivor’.
McElhone hija mfaħħra mill-kritiċi u tul is-snin kisbet segwitu minn fans madwar id-dinja kollha. Is-sena l-oħra ġiet nominata għal WIN Award għas-sehem tagħha fis-serje drammatika ‘Halo’.
Il-film ‘Carmen’ ħareġ il-ħila tagħha li tagħti ħajja lil karattri kumplessi, minbarra li serva biex saħħet aktar ir-rabta tagħha ma’ Malta.
Bħalissa, Natascha McElhone tinsab f’pajjiżna biex tieħu sehem fil-Mediterrane Film Festival, li Pierre Ellul ta’ Falkun Films jiddeskrivi bħala inizjattiva importanti u tajba ħafna.
Qal, “Festival bħal Mediterrane huwa importanti ħafna għalija għax, għall-ewwel darba – qabel kien hemm il-Valletta Film Festival u issa hemm dan – qed inġibu produtturi minn pajjiżi oħra flimkien u l-għan huwa li nikkollaboraw. Aħna bħala kumpanija, Falkun Films, qed nipprovaw nagħmlu koproduzzjonijiet għax biex nikbru aħna f’Malta żgħar wisq. Allura, l-idea hi li nikkollaboraw u nagħmlu co-productions ma’ pajjiżi oħra. U Mediterrane huwa preċiżament dan għax hemm disa’ pajjiżi mill-Mediterran li qed inġibuhom flimkien taħt saqaf wieħed, u hija inizjattiva tajba ħafna.”