F’jum il-Ħaddiem, nhar il-Ħadd li ġej, il-Partit Laburista se jorganizza ċelebrazzjoni mill-isbaħ fil-Belt Valletta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-partit, Randolph Debattista, qal li din se tkun festa għall-Maltin u l-Għawdxin kollha mxerrda mal-belt kapitali, bil-qofol jintlaħaq fi Pjazza Kastilja bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.
Qal, “Fl-aħħar ħa nerġgħu niċċelebraw l-1 ta’ Mejju fil-Belt Valletta, Pjazza Kastilja, nhar il-Ħadd.
In-nies m’għandhomx jitilfu l-attivitajiet li għandna ġol-Belt. L-ispettaklu ġo Pjazza Kastilja, iżda wkoll madwar it-toroq tal-Belt Valletta.
Nistedinhom biex jiġu, iġibu l-bnadar ta’ Malta magħhom, ħalli niċċelebraw dan il-jum tant għażiż għall-Partit Laburista.”
Iċ-ċelebrazzjoni fi Pjazza Kastilja se tibda fit-tlieta ta’ waranofsinhar.
Wara din iċ-ċelebrazzjoni, imbagħad, il-pubbliku huwa mistieden biex jasal wasla saċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun sabiex jipparteċipa fil-maratona tal-ġbir tal-fondi għall-Partit Laburista; fondi li jippermettu lill-Partit Laburista jkompli jaħdem għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin.
Spjega, “In-nies jafu li meta se jkunu qed jagħtu dik id-donazzjoni lilna se jkunu qed jinvestu fis-sod, u dik id-donazzjoni aħna ninvestuha fil-Partit Laburista biex inkomplu nagħmlu l-ġid għall-Maltin u l-Għawdxin.”