Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-Ħamis filgħaxija ġiet inawgurata wirja dwar il-kisbiet matul dawn l-aħħar ħamsin sena għall-komunità LGBTIQ+. Il-Partit Laburista mill-Gvern dejjem kien pijunier fejn jidħlu drittijiet favur ugwaljanza għal kulħadd.
Sa mill-1973, il-Partit Laburista kellu viżjoni għal pajjiżna favur ugwaljanza għal kulħadd. Dak iż-żmien, b’mod speċjali, l-omosesswalità ma baqgħetx it-tabù li kienet fis-soċjetà Maltija u dan meta l-Gvern ta’ Mintoff neħħiha minn reat kriminali kif kienet sa dak iż-żmien.
Fl-aħħar għaxar snin, il-Partit Laburista wkoll kompla jħalli l-marka tiegħu f’dan ir-rigward u wettaq bidliet neċessarji u rivoluzzjonarji, anke qabel pajjiżi oħrajn Ewropej.
Li ma kienx għall-Partit Laburista, tali kisbiet ma kinux jitwettqu.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, li stqarr magħna kif, permezz ta’ din il-wirja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Moviment Laburista jrid ikompli jkun katalista f’dan il-qasam billi jkompli jkollu l-kuraġġ iwettaq il-bidliet u r-riformi li pajjiżna għandu bżonn favur l-ugwaljanza, anke fl-Unjoni Ewropea.
Hu spjega li l-Partit Laburista se jkun qed jiċċelebra bi sħiħ mal-komunità LGBTIQ+ waqt il-EuroPride.
Qal, “Hawnhekk għandna esebizzjoni li timmarka l-mixja, li ġab il-Partit Laburista f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+, mill-1973, sal-lum u nħarsu ’l quddiem. Din il-wirja se tkun miftuħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, matul din il-ġimgħa, imbagħad il-ħsieb hu li anke tkun fil-Belt, fl-eqqel taċ-ċelebrazzjonijiet, fejn il-Partit Laburista, naturalment, jista’ jiċċelebra bl-akbar mod il-EuroPride.”
Dr Debattista tkellem ukoll dwar il-progress bla preċedent li kompla jġib il-Partit Laburista mill-2013 ’il hawn fejn il-komunità LGBTIQ+ bdiet ikollha vuċi, imma mhux biss, u ngħatat l-opportunitajiet kollha meħtieġa biex l-attivisti fi ħdanha jipproponu aktar bidliet favur l-ugwaljanza.
Il-Kap Eżekuttiv tana stampa ċara tal-attivitajiet li l-Partit Laburista se jkun qed itella’ f’dawn il-jiem.
Qal, “Ħa jkollna numru ta’ attivitajiet, li se jsiru l-ġimgħa d-dieħla, attivitajiet ta’ diskussjoni, imbagħad ningħaqdu kollha f’daqqa fil-marċ li se jsir fil-Belt Valletta. Wieħed seta’ jinnota wkoll madwar Malta, iċ-ċentri kollha tal-Partit Laburista, bil-bnadar tal-qawsalla, bid-dwal ukoll maċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Aħna dan hu li nemmnu. Nemmnu fl-ugwaljanza, nemmnu li kulħadd għandu d-dritt li jgħix il-ħajja kif jixtieq u jwettaq il-ħolm tiegħu.”