Wara sentejn ta’ pandemija, il-Partit Laburista se jiċċelebra l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem nhar il-Ħadd li ġej fi Pjazza Kastilja, il-Belt.
Dwar din l-attività tkellimna mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tal-Partit Laburista, Daniel Micallef.
Qal, “Nhar il-Ħadd se nimmarkaw il-festa tal-ewwel ta’ Mejju b’mod normali, ħa nsejħulu hekk, wara sentejn li fiha l-pandemija ċaħħditna milli niċċelebraw din il-festa tant għażiża għall-ħaddiema Maltn u Għawdxin, madwar id-dinja u għall-Partit Laburista.”
Daniel Micallef appella lin-nies sabiex nhar il-Ħadd imorru fi Pjazza Kastilja, fejn il-qofol tal-attività se jkun id-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.
Qal, “Għalhekk, l-appell tiegħi huwa biex il-familji Maltin u Għawdxin, anki issa kif it-temp beda jkun iktar sħun, ingħaqdu fil-Belt Valletta wara nofsinhar u dak li jkun għandu l-ħin biex igawdi l-Ħadd mal-familja. Anki l-Belt Valletta hemm numru ta’ attivitajiet oħrajn li wieħed jista’ jgawdi flimkien mal-familja u jaħbat ukoll il-weekend tal-Konferenza Ġenerali tal-partit, li proprju mbagħad l-istess konferenza tilħaq il-kulminu tagħha bid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, proprju fl-ewwel ta’ Mejju, nhar il-Ħadd fil-Belt Valletta.”
Daniel Micallef spjega għaliex il-festa tal-ewwel ta’ Mejju hija importanti għall-Partit Laburista.
Qal, “L-isfidi li affaċċja l-istess Gvern Laburista fl-aħħar snin, rajna l-qalb soċjali u l-prijorità fejn qiegħda, fejn issalvagwardjana l-impjiegi u l-għajxien tal-ħaddiema, is-self-employed, l-anzjani, u ta’ kulħadd, għall-familji Maltin u Għawdxin. Għaliex, ovvjament, dik hija l-ewwel prijorità u għalhekk nitkellmu fuq ekonomija li trendi, li toħloq ix-xogħol. Ix-xogħol huwa d-dinjità tal-bniedem u hemmhekk, għalkemm sar ħafna, fadlilna ħafna biex intejbu l-affarijiet.”