Nhar il-Ħadd Simon qal li ġabar €3miljuni mill-iskema ta’ dejn sigriet li hu flimkien ma’ Ann Fenech varaw f’Ħamis ix-Xirka li għaddiet bil-għan li jġib f’postha l-qagħda finanzjarja tal-biża tal-Partit Nazzjonalista.
Tgħidx kemm faħħarha l-Ann Fenech il-Ħadd li għadda. Miskina, ħadet biċċa xogħol bħal dik. Probabli faħħarha wkoll għax hi ħadet ċedola wkoll, ħarġet xi ħaġa mill-flus li l-kumpanija tagħha qed taqla’ mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’investiment, li tgħidx kemm qal kontriha u li llum anke dawk ta’ madwaru qed ibillu subagħom fiha (good luck to them). Il-problema imma, li b’dan l-att erojku ta’ Ann Fenech ma nistgħux inkunu ċerti mija fil-mija u allura jkollna mmorru għall-ispekulazzjoni. Is-skema ta’ dejn sigriet, isimha magħha, ħadd ma jaf xejn ħlief min iħawwad fil-borma.
Il-king tal-Governanza, l-accountability u t-trasparenza żamm kollox mistur, ħadd ma jaf min qed iwaddab il-flus fil-PN, ħadd ma jaf kemm u ħadd ma jaf x’interessi hemm aktar. Ngħiduha kif inhi, inti, Ċikku l-poplu, lest li tinvesti fi skema ta’ Partit fallut? Ma naħsibx. Jinvesti biss min għandu l-interess, li jagħti din id-donazzjoni, għax bottom line ta’ kollox din hija donazzjoni, donazzjoni li ma tinqabadx bil-liġi tal-finanzjament tal-Partiti għax daru magħha mal-ewwel ċans li ġie. Persuni jew kumpaniji, li meta Simon jista’ jkollu xi forma ta’ poter jista’ jpattilhom lura tal-għajnuna u jgħidilhom issa “ċedihomli please”, għentek mod ieħor.
Hemm suspett, għax ma tistax taħseb mod ieħor, li dawn l-obbligazzjonijiet ġa bdew minn issa. Nieħdu l-kwistjoni tal-fish farms. Kif jista’ xi ħadd li tkellem tant fuq l-ambjent, li kważi għamilu r-raision d’etre tal-eżistenza tiegħu fil-politika, joħroġ jiddefendi lil min qed iniġġiż il-bajjiet tagħna, jekk mhux għax għandu idejh marbuta?.
Din l-iskema ta’ dejn sigriet, mhux garantit u mingħajr trasparenza hija simili għal skemi ta’ ħasil ta’ flus, sistema li barra minn Malta faċilment jirrefu għaliha bħala frodi istituzzjonalizata.Għalhekk f’ġieħ it-trasparenza li tant iparla fuqha, għandu immedjatament jgħid min qiegħed f’din l-iskema ta’ dejn. Hemmhekk forsi xi ħadd jibda jieħdu ftit bis-serjetà lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Hemm bżonn li he comes down clean fuqha. Hemm 300 ruħ bl-€10,000 il-wieħed? Hemm 100 ruħ bit-€30,000 il-wieħed? Hemm 30 ruħ b’€100,000 kull wieħed? Jew forsi 3 b’€1miljun kull wieħed?. Ħadd ma jaf.
Bil-wiċċ kollu, jaf jirringrazzjani ta’ dan il-blog, għax skont xibru, għamiltlu reklam. Għandu biex jiftaħar ħa ngħidlek.
Fil-passat diġa’ rajna negozjanti kbar jagħtu self lill-Partit Nazzjonalista, self li jammonta l-kwart ta’ miljun. Xejn ġdid. Imma issa hemm hu u ma jista’ jinħeba wara dell ħadd.
L-arloġġ qed itektek għal Simon.