Catherine Fenech ġiet maħtura bħala s-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista. Dan wara li l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista qabel unanimament dwar din id-deċiżjoni. Catherine Fenech hija t-tieni persuna li se tokkupa din il-kariga u se tkun qed tieħu post Lydia Abela, mart il-Prim Ministru fejn għal għaxar snin sħaħ, serviet bħala l-ewwel Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali wara li nħolqot din il-kariga bl-emendi statutorji li kienu saru.
Catherine Fenech ilha snin twal midħla fil-Partit Laburista. FL-eta’ ta’ sittax -il sena kienet membru tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti, illum il-Forum Żgħażagħ Laburisti. Hija wkoll delegata tal-Partit Laburista, membru f’ Nisa Laburisti u kienet parteċipanta fil-programm LEAD. Fl-aħħar snin serviet bħala membru u President fil-Kumitat Lokali Laburista ta’ Ħal Lija. Fl-2015, ġiet approvata mill-Amministrazzjoni tal-Partit biex tokkupa l-kariga ta’ Koordinatur tal-Kumitati Lokali tal-Partit Laburista. Catherine Fenech ilha wkoll ħames snin eletta fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Min-naħa tagħha, Lydia Abela fl-ittra tar-riżenja li preżentat lill-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, saħqet li qiegħda tirreżenja mill-kariga mhux għax temmen li mara hija sempliċiment estenzjoni tal-kariga ta’ żewġha, anzi temmen bis-sħiħ fl-idea li kull mara għandha tiġi kkunsidrata b’mod awtonomu skont il-kapaċitajiet tagħha, iżda sabiex tiddedika aktar enerġija biex tgħin lil żewġha fir-responsabbiltajiet importanti li għandu bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista.
Hija rringrazzjat lill-Ex Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat talli għaxar snin ilu wera fiduċja fiha u nnominaha bħala l-ewwel Segretarju tal-Eżekuttiv wara li nħolqot din il-kariga bl-emendi statutorji li kienu saru.
Dr Abela rringrazzjat ukoll lill-Eżekuttiv li kkonfermaha f’din il-kariga għal diversi drabi. Is-Sinjura Abela qalet: “Nistqarr li din kienet esperjenza sabiħa li għenitni nifhem aktar u fuq kollox inħobb lill-Partit Laburitsta u l-Membri tiegħu.”
Il-mara tal-Prim Ministru awgurat lis-suċċessur tagħha filwaqt li tħares ‘il quddiem biex fis-snin li ġejjin tkompli tkun membru attiva tal-Partit Laburista. Il-ħatra ta’ Catherine Fenech tissimbolizza d-direzzjoni tal-Partit Laburista li jmur għall-għeruq tiegħu, kif ukoll l-impenn li jkun hemm aktar parteċipazzjoni ta’ nisa fil-ħajja politika u pubblika.