Mhux korrett jingħad li hemm anomalji fil-pensjonijiet ta’ qabel l-1962, li qed jitkellem dwarhom Arnold Cassola u sezzjonijiet tal-midja indipendenti.
Qal dan, b’kitba fuq it-Times, David Spiteri Gingell, li mexxa r-riforma fil-pensjonijiet fi żmien Gvern Nazzjonalista u kien membru fl-istrateġija dwar il-pensjonijiet sal-2021.
Huwa tkellem dwar ir-riformi li saru sittax-il sena ilu u qal li dawn ir-riformi ma jwasslu għall-ebda anomalija. Qal li l-anomalija kienet teżisti li kieku persuni, li twieldu sal-1961, jingħataw l-istess pensjoni bħal dawk li twieldu wara l-1962.
F’dan il-kuntest Spiteri Gingell iġġustifika għalxiex hemm trattament differenti fejn spjega li dawk li twieldu fl-1962 jew wara għandhom obbligi aktar onerużi fuqhom.
Sostna wkoll li r-riforma tal-2007 ma waqfitx hemmhekk, hekk kif qal li fis-snin ta’ wara, fosthom taħt Gvern Laburista, kompliet tittejjeb din ir-riforma.
Fost l-oħrajn, f’din il-kitba Spiteri Gingell semma kif ir-reviżjoni strategika tal-2020, li tmexxiet mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musù, li hu kien parti minnha. Hawnhekk intqal li l-pensjonijiet se jkomplu jiżdiedu kull sena b’ratio ta’ 70% fiż-żieda tal-pagi u 30% skont iż-żieda tal-inflazzjoni jew iż-żieda tal-COLA, skont liema hi l-ogħla.
Spiteri Gingell qal li hu infurmat li din ir-rakkomandazzjoni hija parti mill-pjan strateġiku dwar il-pensjonijiet sal-2027.
Fl-aħħar jiem, ONE News tkellem ma’ Mark Musù, li spjegalna li r-riforma tal-2007 kienet immirata primarjament fuq il-pensjonanti futuri u mhux tal-lum, jiġifieri dawk li twieldu wara l-1962.
L-akbar punt tqajjem dwar dawk li jaqilgħu l-ogħla salarji, għax il-pensjoni massima ta’ dawk li twieldu wara l-1962 hi ogħla minn ta’ dawk li twieldu qabel.
Iżda anke l-mod kif jogħlew il-pensjonijiet kull sena kien se jvarja skont ir-riforma tal-2007. Li kieku ma kienx Gvern Laburista, kieku l-pensjonanti llum qed jieħdu pensjonijiet ferm aktar baxxi.
Musù spjega li fl-2007 kienet ingħatat garanzija lill-pensjonanti, li twieldu qabel l-1962, li d-dħul tagħhom jogħla biss biż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-COLA, waqt li għal dawk, li twieldu wara, jista’ jogħla b’iżjed.
Dan filwaqt li, fl-aħħar snin, baġit wara ieħor, Gvern Laburista żied il-pensjonijiet b’ammont ferm iżjed mill-COLA u hu kommess li hekk se jkompli jagħmel, biż-żidiet ikunu ugwali għall-pensjonanti kollha, twieldu meta twieldu.