Fil-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa u Peter Agius ivvotaw kontra li jkun hemm dibattitu dwar id-deċiżjoni ta’ Iżrael li jċaħħad lill-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda, il-UNWRA, milli tipprovdi servizzi umanitarji tant bżonnjużi fil-Medda ta’ Gaza.
Għal aktar minn tmenin sena, din l-aġenzija pprovdiet servizzi essenzjali lir-refuġjati Palestinjani.
Issa d-deċiżjoni ta’ Iżrael, li wkoll ċaħħad lill-awtortitajiet tiegħu milli jagħmlu kuntatt mal-aġenzija tal-Ġnus Magħquda, se tfisser impatt devestanti umanitarju fuq ħajjet miljuni ta’ persuni, li spiċċaw f’qagħda aktar vulnerabbli, bl-agħar konflitt f’Gaza fl-aħħar sena.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li din mhix l-ewwel darba li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti għalqu għajnejhom lejn il-ġenoċidju li qed iseħħ f’Gaza.
F’Ottubru tas-sena l-oħra, Roberta Metsola żaret Iżrael bħala turija ta’ appoġġ wara attakk tal-Hamas, iżda minn dakinhar naqset tikkundanna r-ritaljazzjoni brutali ta’ Iżrael, li qatlet eluf kbar, fil-maġġoranza nisa u tfal. Atti li ġew ikkundannati bil-qawwa fl-Ewropa u lil hinn minħabba n-nuqqas ta’ sensittività u kompassjoni lejn il-Palestinjani.
Il-Partit Nazzjonalista u r-rappreżentanti tiegħu fi Brussell reġgħu wrew il-kuluri veri tagħhom, qal il-Partit Laburista, b’mod partikolari David Casa u Peter Agius, li issa qed jimxi fuq il-passi tiegħu.
Kompla li dawn huma l-istess nies li dejjem jipprovaw ipinġu lil Malta u lill-poplu tagħha f’dawl ħażin, waqt li jwegħdu “gwerer qaddisa” kontra arthom stess.
Iżda quddiem deċiżjoni, li tikkawża effett umanitarju devastanti fuq miljuni ta’ tfal, irġiel u nisa, bħalma hi ċ-ċaħda lill-aġenzija tal-Ġnus Magħquda, l-MEPs tal-PN ipoġġu komdi fis-siġġijiet tagħhom tal-Parlament Ewropew, iħarsu n-naħa l-oħra tal-problema, temmet tgħid stqarrija mill-Partit Laburista.