Dahru mal-ħajt għax ma jiflaħx jitlef iżjed appoġġ, David Casa spiċċa kellu jitgħabba bid-dellijiet xejn sbieħ tal-Kap Adrian Delia.
Fil-fatt, il-gazzetta Kullħadd żvelat kif il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, kien kostrett jieħu miegħu fi Brussell lil Vincent Borg, magħruf aħjar bħala Ċensu l-Iswed.
David Casa jaf li għandu problemi kbar ma’ sezzjoni ta’ Nazzjonalisti li tappoġġja lil Adrian Delia, u biex jiġbor ġieħu magħha, spiċċa tgħabba b’dak li Daphne Caruana Galizia ma riditx fil-Partit Nazzjonalista għal bosta raġunijiet.
Dan għax l-istħarriġ intern juri li David Casa qiegħed f’sitwazzjoni fejn ma jistax jitlef iktar voti.
Il-Kullħadd irrapurtat kif Casa, li jaħlef għal Caruana Galizia u kontinwament juża l-mewt tagħha biex jieħu kapital politiku kemm jista’ jkun, spiċċa jieħu lil Ċensu l-Iswed, dak li Caruana Galizia fissritu bħala “pimp irtirat”. Casa jidher li ma tantx ħa l-parir ta’ Caruana Galizia u ippoża b’pompa kbira f’ritratt ma’ dak li Caruana Galizia allegat li kien involut fi traffikar ta’ nisa mil-Lvant tal-Ewropa għall-prostituzzjoni.
David Casa għandu mdendla fuq rasu allegazzjonijiet serji b’rabta ma’ abbuż, tixrid ta’ droga u anke frodi ta’ fondi Ewropej. Sadanittant, il-gazzetta Kullħadd kompliet tgħid li nies li tkellmu magħha ġibdulha l-attenzjoni ta’ din il-mawra fi Brussell u fissru kif in-nies tal-Occupy Justice ma tantx niżżlitilhom tajjeb.
Dan l-aħħar, Adrian Delia spiċċa kellu jiddefendi wkoll lil Casa, fejn ma ssejjaħx għal investigazzjoni minkejja l-allegazzjonijiet mill-iktar serji fil-konfront tiegħu. Allegazzjonijiet li David Casa ċaħad, għalkemm m’għamilx testijiet u ma ssoġġettax lilu nnifsu għal stħarriġ indipendenti.