Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, kien imċanfar miċ-chairperson tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Dan wara li għal darb oħra uża l-ħin f’kumitat parlamentari fejn il-Ministri Maltin kienu qed iressqu l-prijoritajiet Maltin biex jitkellem dwar allegazzjonijiet li l-Partit Nazzjonalsita qed jagħmel lokalment.
Lill-Ministri Michael Farrugia u Evarist Bartolo Casa ma kienx interessant jistaqsihom dwar il-politika soċjali u minflok reġa’ qabad il-litanija ta’ akkużi ta’ koruzzjoni. Ic-chairperson tal-kumitat kienet ċara fir-risposta tagħha. Qalet li l-kumitat kellu kwistjonijiet importanti x’jiddiskuti u li l-intervent ta’ Casa kien wieħed mhux floku.
L-istess messaġġ għaddewh membri oħra tal-Parlament Ewropew. Dan seħħ wara li l-Erbgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel jum idur il-kurituri ta’ Brussell jipprova jikkonviċni Membri tal-Parlament Ewropew biex waqt il-preżentazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi jitkellmu dwar il-Panama.
Iżda, eventwalment ħareġ diżappuntat għaliex kienu biss il-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista li fil-kumitat lill-Mizzi ma staqsewhx dwar is-suġġett u minflok tkellmu dwar il-Panama Papers.
Biex wara li kien Jean Claude Juncker li fil-Parlament Malti ta ċanfira lil Simon Busuttil, fil-Parlament Ewropew kienu Membri Parlamentari, inkluż, tal-Partit Popolari Ewropew li urew li ma kienux interessati fil-kampanja li qed jipprova joħloq hu.
Il-falliment ta’ Busuttil kien innotat ukoll fil-ġurnali bit-Times of Malta tirrapporta fil-faċċata li l-Membri tal-Parlament Ewropew ma kienux interessati fil-kwistjoni tal-Panama. Anke l-Illum irrapportat kif “sfaxxat fix-xejn l-istennija ta’ baraxx ta’ mistoqsijiet dwar il-Panama lil Konrad Mizzi.”