Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, David Casa, ħareġ jhedded lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li se jkun in-nominat ta’ Malta għall-Kummissarju Ewropew.
Chris Fearne, kirurgu u politiku ta’ esperjenza, għandu wkoll esperjenza internazzjonali b’ħatriet prestiġjużi fl-għaqda dinjija tas-saħħa, il-WHO.
Fix-xhur li ġejjin Fearne se jibqa’ jservi fir-rwol ta’ Deputat Prim Ministru u Ministru, iżda Casa diġà beda jhedded fejn qal li qabel Fearne jippakkja għall-Brussell tajjeb jiftakar li l-ħatra tiegħu mhux awtomatika u heddu bit-test quddiem il-Parlament Ewropew.
Biex Casa jagħmel dan uża l-konċessjoni tal-isptarijiet.
Iżda, din mhux l-ewwel darba li Casa u Roberta Metsola ħadmu fi Brussell kontra nominati ta’ Malta.
Fost oħrajn, il-Partit Nazzjonalista l-istess kien għamel fuq nomini oħrajn inkluż ta’ Toni Abela, illum Imħallef rispettat, u Leo Brincat. Saħansitra Casa u Roberta Metsola baqgħu sakemm il-Partit Popolari Ewropew ivvota kontra tagħhom.
Eventwalment Brincat serva b’suċċess fil-qorti tal-awdituri tal-Unjoni Ewropea fejn anke kien fdat bi rwoli importanti ħafna.
Bħal Casa diġà ħareġ ukoll jattakka lil Fearne il-kandidat Nazzjonalista Peter Agius li fuq facebook kiteb messaġġ simili.
Hekk kif jidher ċar li l-attakk fuq Fearne huwa wkoll parti minn tellieqa u pika elettorali bejn dawn iż-żewġ kandidati tal-Partit Nazzjonalista, li huma wkoll imwerwra minn David Agius.