David Casa, ħareġ jgħid li t-tħejjijiet għal Presidenza tal-Unjoni Ewropea minn pajjiżna, huma dilettanteski. Dan għax fi stqarrija qal li ma kienx mgħarraf b’laqgħat li saru f’setturi marbuta ma’ kumitati li hu membru tagħhom hu. Il-kritika ta’ Casa kienet diretta lejn il-Ministeru ta’ Helena Dalli. Biex ftit tas-sigħat wara rriżulta li kien hu li m’attendiex għal stediniet li sarulu.
B’reazzjoni l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili qalet li fil-ġimgħat li ġejjin il-ministri Maltin se jkomplu jiltaqgħu ma’ iktar membri tal-kumitati fi ħdan il-Parlament Ewropew, inkluż dawk fil-kumitat li fih hu koordinatur għall-PPE David Casa.
“Il-Gvern jittama li din id-darba David Casa jilqa’ l-invit u jattendi, kuntrarjament għal dak li għamel f’Diċembru li għadda meta baqa’ ma weġibx għal stedina li saritlu mir-Rappreżentanza Permanenti għal laqgħa dwar kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Membri Parlamentari Ewropej, inkluż waqt il-Presidenza,” qalet l-istqarrija.
Biex hekk kien innotat kif l-Oppożizzjoni qed terġa’ tirrikorri għal tattiċi ta’ tixwix kontra pajjiżna mal-barranin. Intqal li l-oppożizzjoni għadha ma tistax taċċetta li se tkun din l-amministrazzjoni li se tmexxi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk tipprova titfa’ dubji ta’ kull darba.
“Jekk l-oppożizzjoni trid verament toffri l-id tal-koperazzjoni lill-gvern u tittieħed bis-serjetà għandha tieqaf tuża dawn it-tattiċi biex tagħmel ħsara lill-pajjiżna għal raġunijiet partiġjani,” qal il-Ministeru ta’ Helena Dalli.