L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa ftaħar li ltaqa’ man-nominat Kummissarju Ewropew dwar is-saltna tad-dritt, id-demokrazija u l-ġustizzja, l-Irlandiż Michael McGrath.
Waqt din il-laqgħa, Casa qallu biex jekk jgħaddi mill-grilling tal-Parlament Ewropew, għandu jiffoka partikolarment fuq is-saltna tad-dritt f’Malta u jindirizza dik li sejħilha kriżi f’pajjiżna.
Jidher ovvju li, anke f’din il-leġiżlatura l-ġdida, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista se jkompli jaħdem kontra pajjiżna u dan għax fil-Gvern mhemmx il-Partit Nazzjonalista.
Dan ukoll kif wiegħed li se jagħmel lejliet l-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u kif se jkompli jistinka u jaħdem aktar minn qatt qabel biex iqaċċat lill-Gvern Laburista mill-poter, anke jekk dan ġie fdat bl-akbar mandat mill-poplu fl-elezzjoni ġenerali ta’ sentejn ilu.
Qal, “Fil-Parlament Ewropew se nagħmel ħilti kollha, gwerra qaddisa, biex nara li dawn in-nies posthom ma jkunx f’Kastilja. Jiena se nagħmel gwerra kontra tagħhom, bl-għodod kollha li qatt m’użajt s’issa.”