Għax il-Qorti Maltija ma tatux raġun l-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa mar jattakkaha fi Strasburgu u biex ikun bħalu u bħal Robert Metsola, Zammit Dimech mar fil-plenarja tal-Parlament Ewropew jitkellem kontra l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
B’hekk din il-ġimgħa bieżla fil-Parlament Ewropew rat it-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista jagħmlu kull sforz biex barra pajjiżna joskuraw lil Malta.
David Casa kien mar il-Qorti flimkien ma’ Simon Busuttil biex jitlob numru ta’ investigazzjonijiet, uħud li diġà kienu jeżistu. Iżda, għax il-qorti ma tatux raġun Casa mar jiġri quddiem l-MEPs sħabu jattakkaha.
“Jiena dehrli flimkien ma’ oħrajn li l-uniku post li kien għad faddalli f’Malta huwa li mmur fil-qrati tal-ġustizzja biex nitolb lill-Qrati…Il-Qrati tal-Ġustizzja li tant ftaħar bihom Owen Bonnici wkoll għalqu l-bieb.”
Minkejja d-diversi inkjesti li qed isiru u oħrajn li saru, u li sal-lum dejjem gidbu lil Casa u lill-Partit Nazzjonalista, l-MEP tal-PN ipprova jagħti impressjonijiet differenti.
“F’ebda istituzzjoni demokratika ta’ pajjiżna mhi qiegħda ssir investigazzjoni. Dan mhux każ iżolat.”
Casa u sħabu għandhom storja twila ta’ każi fejn imorru fl-istituzzjonijiet Ewropej jitkellmu kontra Malta.
Bħalhom qed jagħmel Francis Zammit Dimech. Għal darb’oħra uża l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment biex jattakka lill-pajjiżna.
“Hija tal-mistħija li l-Gvern ta’ Malta jkompli jippersisti”
Dawn id-dikjarazzjonijiet isegwu dawk ta’ Roberta Metsola f’kumitat dwar id-drittijiet ċivili fejn ftaħret li rapport li kienet parti minnu hi jpoġġi stampa kerha ta’ Malta.