L-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, meta affaċċjat mill-midja deher skomdu, ma riedx iwieġeb u bilkemm ma nfexx jimbotta.
Ħaġa waħda li għamel żgur.
Li qabel ma’ Peter Agius, li bħal donnu qed jikkompeti miegħu min jibgħat l-aktar ittri kontra Malta fl-Ewropa.
Quddiem il-binja tax-xandir Nazzjonali, wara dibattitu li fih qal li fil-Parlament Ewropew ħa jibqa’ jgħid kontra Malta, ipprovajna nistaqsu lil David Casa mistoqsija sempliċi jekk ma jaqbilx mal-ittra li bagħat il-kandidat Nazzjonalista Peter Agius lil Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová, li fiha Agius jgħid talab lill-Kummissjoni Ewropa tikxef snienha ma’ Malta.
Casa akkumpanjat minn Michael Fenech Adami, ħu Beppe Fenech Adami u li jgħin anki fl-attivitajiet kemm tal-Partit Nazzjonalista u tal-għaqda Repubblika, infexx f’tgħajjir kontra l-Partit Laburista, imbagħad ħareġ spalla għal Peter Agius.
“L-ittra ta’ Peter Agius qed tinkwetakom.”
Casa tant deher skomdu milli jwieġeb il-mistoqsijiet li bilkemm ma spiċċax jimbutta lil ġurnalist ta dan l-istazzjon, li baqa’ jsaqsih il-mistoqsijiet.
Madankollu Casa ma tax kas dan tant li kompla għas-soltu retorika konfrontattiva tiegħu.
David Casa – “Għandna Kastilja mimlija kriminali u korotti”.
Ġurnalist – “l-ittra li bagħat Peter Agius”
David Casa- “Għandna Kastilja mimlija kriminali”
Casa tant kien skomdu jwieġeb lill-midja, li spiċċa ħarab ukoll meta staqsejnih jekk din l-ittra ma tagħmilx parti mill-gwerra qaddisa li qal li se jagħmel.
Ġurnalist: “Dik hija l-Gwerra Qaddisa kontra Malta”
David Casa: “Kontra l-korotti, kontra l-korotti, thank you very much”