• TA’ DELIA JIMBUTTAW LIL FRANK PSAILA
• JAF LI JEKK JOĦROĠ BUSUTTIL SE JKUN QED JILGĦABHA
David Casa qed ikompli bil-kampanja tiegħu kontra l-Ministru Konrad Mizzi bit-tama li żżommu fil-wiċċ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla. Stħarriġ li jafu bih fl-istamperija juri r-riskju li David Casa jista’ jitlef is-siġġu tiegħu fi Brussell u ladarba lagħbuh u ma laħaqx Segretarju Ġenerali ma baqagħlux għażla ħlief li jiġġieled sal-aħħar nifs biex iżomm postu fi Brussell, il-belt fejn il-ħajja togħġbu kemm fil-kurituri tal-Parlament Ewropew iżda wkoll fit-toroq dojoq li jdawru l-Gran Place.
Fuq moħħ David Casa hemm il-kandidatura possibbli tal-Eks Kap Simon Busuttil li jkun mistenni jikseb l-ikbar ammont ta’ voti jekk kemm-il darba jikkontesta. Iżda, mhux biss. Jaf li l-kompetitriċi diretta tiegħu hi Roberta Metsola li qed taħdem qatigħ għax ma tistax tmur ħażin fid-dawl li jberren f’moħħha u dawk ta’ madwarha hemm it-tmexxija tal-partit jekk kemm–il darba Adrian Delia jitqaċċat minn postu. Xi ħaġa li għad hawn min ma qatax qalbu minnha. L-istħarriġ juri li llum Metsola popolari man-Nazzjonalisti iktar minn Casa u għalhekk Casa qed jagħmel sforz kbir billi juża t-tattika li Simon Busuttil uża qabel l-elezzjoni. Anke jekk lil Simon Busuttil ma wasslitu mkien, Casa jemmen li fil-każ tiegħu, il-każ hu differenti għax hu mhux jirbaħ l-elezzjoni għandu bżonn iżda li jkun elett hu. U dawk li s-sistema ta’ Busuttil kienu parti minnha mhux qed joqogħdu lura milli juru l-appoġġ lil David Casa tant li iktar kmieni din il-ġimgħa kienu miegħu meta għamel konferenza tal-aħbarijiet kontra l-Ministru Konrad Mizzi. Fost dawn hemm l-avukati u d-deputati Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami. Protagonist ukoll Paul Borg Olivier li minn meta spiċċa minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ma qagħadx lura milli jipprova jdeffes saqajh fejn jista’ ma jintesiex.
Minn naħa l-oħra Casa qed jitħasseb minħabba l-isfida Frank Psaila. L-Avukat u Preżentatur Frank Psaila għandu l-appoġġ tal-grupp tal-Kap Nazzjonalista u hija ovvja li sa Mejju 2019 se jkun qed jingħata iktar minn imbuttatura waħda biex imur tajjeb. Anke għax minn dawk li hemm bħalissa ħadd minnhom ma appoġġja lil Delia fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN.