David Casa kompla bl-isforzi tiegħu biex fl-istituzzjonijiet Ewropej ikompli jħammeġ isem Malta. Wara li ftit tal-jiem ilu l-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Franz Timmermans, ma taħtx sodisfazzjon wara li prova jdaħħlu fid-dibattitu politiku Malti maħluq mill-Partit Nazzjonalista, issa Casa reġa kitiblu.
Qallu li l-Prim Ministru, ic-chief of staff tiegħu u l-Ministru Konrad Mizzi qed iħaddmu skema ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Konklużjoni ta’ Casa li ma tirriżulta minn imkien.
Fl-ittra tiegħu saħansitra għażel li jagħti stampa qarrieqa lill-Kummissjoni Ewropea meta qal li l-inkjesti maġisterjali infetħu biss għax marret l-Oppożizzjoni għand il-Maġistrati, meta kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li talab inkjesta maġisterjali wara l-gidba li bdiet fuqu l-Oppożizzjoni Nazzjonalista meta allegat li Egrant hi kumpanija ta’ martu Michelle Muscat.
Iddeskriva wkoll bħala abbuż ta’ poter il-fatt li Keith Schembri iddefenda ismu skont il-liġi. L-ittra ta’ Casa hi r-reazzjoni għal tweġiba ta’ Timmermans fl-4 ta’ Lulju meta Timmermans qallu li “Hija l-politika tal-Kummissjoni Ewropea li ma tikkummentax fuq inkjesti u investigazzjonijiet individwali li jkunu għaddejjin.”
Dan meta Casa għamel ieħor minn sensiela ta’ tentattivi tal-aħħar xhur bil-għan li ssir pressjoni fuq pajjiżna b’rabta mal-Panama Papers. Pressjoni li l-Partit Nazzjonalista prova juża biex jipprova jieħu gwadann elettorali.