Il-kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, David Casa, injora għalkollox lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
F’filmat li tella’ fuq Facebook wara li tefa’ n-nomina tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, David Casa kien kostrett jirringrazzja lit-tliet kapijiet preċidenti tal-Partit Nazzjonalista – Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.
Iżda naqas milli jsemmi, u ma kellu l-ebda kliem ta’ ringrazzjament, għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Fuq Facebook, Casa reġa’ ta ħajr lil Fenech Adami, Gonzi u Busuttil. Iżda għal darb’oħra naqas milli jagħmel kull referenza għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Aktar minn hekk, David Casa faħħar il-ħidma ta’ Fenech Adami, Gonzi u Busuttil. Kiteb li se jwiegħed li se jkompli jonora l-legat tagħhom fil-ħidma tiegħu. Iżda hawn ukoll naqas milli jirrikonoxxi l-ħidma ta’ Adrian Delia.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalulna li l-fatt li Casa ma semmiex lil Delia f’mument meta tefa’ nomina tiegħu, hija konferma oħra tal-gwerra bierda u l-inkwiet intern li hemm fil-Partit Nazzjonalista. David Casa huwa qrib ħafna tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Casa kien kontra Adrian Delia sa mill-mument li Delia tefa’ ismu fit-tiġrija għall-ħatra ta’ Kap.
Casa ħareġ iktar kontra Delia, meta l-blogger Daphne Caruana Galizia kienet allegat li Adrian Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni. B’Delia dejjem irrifjuta li jmur għall-inkjesta maġisterjali biex inaddaf ismu minn dawn l-allegazzjoni ta’ ħasil ta’ flus. Fil-fatt f’sena u sebgħa xhur Adrian Delia ma kienx kapaċi jieħu l-kontroll tal-Partit Nazzjonalista f’idejh. B’David Casa u l-kumplament tal-esponenti qrib Simon Busuttil, baqgħu ma jarawx għjan m’għajn, ma’ Delia u l-ftit esponenti qrib tiegħu. Dan minħabba l-allegazzjonijiet gravi ta’ ħasil ta’ flus li qiegħed jiffaċċja l-Kap Nazzjonalista.