Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, Casa Amalia fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex reġgħet infetħet b’mod normali, hekk kif kellha tingħalaq minħabba l-pandemija.
Din id-dar toffri ambjent familjari b’aktar sigurtà u kumdità għall-anzjani u għal dawk li għandhom id-dimensja. Dan is-servizz jingħata kemm matul il-ġurnata kif ukoll matul il-lejl, bħala xelter. B’dan iċ-ċentru jista’ jilqa’ tlieta u għoxrin anzjan.
Waqt żjara, fl-ewwel jum tal-ftuħ mill-ġdid ta’ din id-dar, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kif din id-dar hija ftehim bi sħab bejn il-Gvern u l-privat.
Dan fil-fatt qed isir mal-kumpanija iCare Ltd bħala parti minn servizz bla ħlas tal-Gvern.
Il-Ministru Camilleri qal kif din id-dar ġiet immodernizzata mill-ġdid f’ċentru mibdul u sigur għal dawk li għandhom id-dimensja.
F’din id-dar isiru diversi attivitajiet matul is-sena, sabiex iżommu lil dawn l-anzjani attivi. Fost dawn hemm xogħol tad-dar, tisjir u affarijiet ta’ divertiment bħal tombla. B’dawn l-attivitajiet jgħinu lil dawn l-anzjani sabiex jesprimu ruħhom u jżommu kuntatt ma’ nies tamparhom.
Il-Ministru Camilleri appella sabiex aktar anzjani Għawdxin jużaw is-servizz ta’ din id-dar: “Nappella lill-pubbliku Għawdxi, dawk kollha l-anzjani kollha li qegħdin jarawna, dawk it-tfal kollha tal-anzjani li jixtiequ jużaw dan is-servizz sabiex japplikaw jew online jew inkella jiġu s-sezzjoni tal-Ministeru għal Għawdex sabiex jagħmlu użu minn dan is-servizz.”