Tliet ġimgħat oħra se tinfetaħ dar ġdida fir-Rabat Għawdex li se tibda toffri servizz kemm mal-jum kif ukoll mal-lejl għall-anzjani u dawk li jbatu bid-dimenja.
Casa Amalia se titmexxa mill-privat, iżda s-servizzi kollha se jingħataw mill-Gvern – li se jikkumplimentaw lil dawk diġà offruti mill-Ministeru għal Għawdex fis-settur.Is-servizz f’din id-dar – li se tilqa’ fiha madwar għoxrin anzjan u anzjana, se jkun offrut minn impjegati mħarrġa u speċjalizzati fil-qasam tad-dimensja.
Matul il-jum se jiġu offruti programmi li jkunu addattati għall-klijenti skont pariri professjonali.
Konxja mill-isfidi li jaffaċċjaw mhux biss l-anzjani bid-dimensja, imma anki dawk li jgħixu magħhom u jieħdu ħsiebhom, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat li din id-dar se tgħin biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-qraba tal-anzjani.
L-applikazzjoni għal dan is-servizz tista’ tinkiseb mill-Ministeru għal Għawdex, jew minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru u mill-app MyGozo.