Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana saħqet li ma tistax tifhem għaliex il-gazzetta The Times qed titkaża għax id-diskussjoni dwar ir-raba’ vapur għal Gozo Channel ilha għaddejja mill-aħħar tas-sena li għaddiet.
Fuq Facebook, il-Ministru qalet li anke l-valur tal-kirja li qed tikkwota l-gazzetta m’huwiex wieħed realistiku fis-suq tal-vapuri u l-istorja hija bbażata fuq premessi infondati u anke konklużjonijiet skorretti. Qalet li I-valur ikkwotat ma jikkonformax mal-istandards meħtieġa skont ir-regoli u l-ligijiet marittimi applikabbli.
il-Ministru Caruana kompliet tispjega li dan il-Gvern jieħu l-affarijiet bis-serjetà u dan il-pass biex il-kumpanija jkollha r-raba’ vapur turi mpenn mill-Gvern preżenti biex il-gżira Għawdxija tlaħħaq mad-domanda li dejjem tiżdied tan-nies li jżuru Għawdex.
Temmet tgħid li dan il-proċess żgur li mhux se jdum daqs kemm il-Gvern Nazzjonalista dam biex jirranġa l-moll taċ-Ċirkewwa.