Daphne Caruana Galizia irrifjutat li tidher quddiem l-inkjesta li qed jagħmel il-Maġistrat inkwirenti dwar allegazzjonijiet li għamlet hi stess. Allegazzjonijiet li qed jirriżulta iktar minn qatt qabel li huma foloz.
Caruana Galiza kkonfermat li mhux se tidher quddiem il-Maġistrat fuq il-blog tagħha anke jekk intalbet dan minn pulizija li qed jgħinu fl-investigazzjoni.
Qalet li meta ċemplulha biex tidher quddiem il-Maġistrat hi wieġbet li ma setgħetx tmur u skont hi għamlitha ċara li min hu investigat hu obbligat li jmur u mhux hi. Saħansitra talbet lill-Maġistrat jiktbilha formalment jekk irid xi rispons mingħandha.
Skont hi huwa ħażin li ġurnalist jitkellem ma’ maġistrat inkwirenti għax ġurnalist jiddependi fuq is-sors. Għalkemm hija normali li ġurnalisti jwieġbu għal sejħiet f’investigazzjonijiet bħal dawn anke jekk jipproteġu s-sorsi tagħhom. Naturalment, jekk ikunu jeżistu.
Caruana Galizia attakkat ukoll l-integrità tal-Maġistrat u l-inkjesta nnifisha li sejħilitha ‘shame’.
L-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Aaron Bugeja li jkun ħa l-inkarigu skont skeda li għandhom bejniethom il-Maġistrati.