Minn storja fil-MaltaToday jirriżulta li Pierre Darmanin hu l-bniedem li għamlet referenza għalih La Repubblica fi storja bħala parti minn dak magħruf bħala Daphne project.
Darmanin kien indikat għalkemm b’mod stramb mhux imsemmi b’ismu dirett f’rapport spekulattiv dwar teleofnata lill-Ministru Chris Cardona. Iżda, l-iktar fatt li spikka minn dak li żvelat il-maltatoday hi li Darmanin, li allegatament kien investigat fuq kuntrabandu ta’ fuel, kien juża lil Peter Caruana Galizia bħala avukat tiegħu.
Kien fil-31 ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu li Daphne Caruana Galizia kitbet dwar Darmanin, u dan ċemplilha wara ftit tal-ħin. Mingħajr problemi għamlitlu wkoll kjarifika.
Issa rriżulta għall-ewwel darba li Darmanin kien jafhom lil ta’ Caruana Galizia għax lil Peter Caruana Galizia kien għażlu u fdah bħala l-avukat tiegħu f’kawżi ċivili li kellu.
Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar il-kuntrabandu ta’ fuel meta kienet saret karozza bomba li qatlet persuna f’Buġibba. U hemm rabtet il-bastiment tas-sajd ta’ Darmanin ma’ każ ta’ karozza bomba li kien seħħ f’dak il-jum.
Dawn il-fatti kienu injorati għalkollox fir-rapportaġġ ta’ La Repubblica filwaqt li meta kkuntattjat mill-maltatoday Darmanin kien evażiv. Saħansitra qal li ma kienx konxju tar-rapport f’La Repubblica. Għalkemm ikkonferma li kien tkellem ma’ Daphne Caruana Galizia meta għamlet ir-rapport dwaru.