L-ex President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akkwatiku Joe Caruana Curran mhuwiex mistenni jikkontesta l-elezzjoni ta’ President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol. One Sport għamel kuntatt mal-istess Caruana Curran fejn ikkonferma li mhuwiex se jkun qed jikkontesta din l-elezzjoni minħabba, fost affarijiet oħra, l-età.
Skont l-istatut tal-MFA, minn din is-sena kull persuna eletta f’kariga fi ħdan l-MFA ma jistax ikollha iżjed minn 70 sena. Caruana Curran għandu 67 sena u dan ifisser li jekk kemm-il darba jiġi elett f’nofs Marzu li ġej, it-terminu tiegħu jkun ta’ 4 snin biss, xi ħaġa li skont l-ex-President tal-ASA huwa ftit wisq sabiex iwettaq ir-riformi li fl-opinjoni tiegħu hemm bżonn.
F’nofs Marzu mistennija ssir l-elezzjoni għal terminu ieħor tat-tmexxija tal-MFA u s’issa huma l-President attwali Bjorn Vassallo u l-ex plejer ta’ bosta timijiet lokali Ridha Dardouri li kkonfermaw li se jkunu qed jikkontestaw din l-elezzjoni.
Caruana Curran kien ikkontesta l-elezzjoni ta’ President tal-MFA fl-2004 meta dakinhar kien tilef kontra Dr Joe Mifsud. F’Lulju tal-2004 l-Avukat Mifsud kien ġab 56 vot minn 97 filwaqt li l-ex President ta’ Valletta FC Joe Caruana Curran kien ġab 41 vot.