Wara li ma attendiex għall-vot fil-Parlament dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF, id-deputat tal-Oppożizzjoni Jerome Caruana Cilia ħarab milli jirrispondi mistqosijiet tal-midja dwar l-istess suġġett.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, Caruana Cilia ġie mistoqsi dwar dak li qal il-kollega tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista l-ieħor Alex Borg.
F’laqgħa organizzata mill-eks deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, deskritta bħala reazzjoni għall-vot fil-Parlament dwar l-IVF, Alex Borg qal li huwa ma vvutax kontra l-partit iżda favur il-partit.
Saħansitra qal li, bil-vot tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista li vvutaw iva, inkiser l-istatut tal-istess Partit.
Mistoqsi dwar dan u dwar jekk jaqbilx mad-dikjarazzjoni tal-kollega tiegħu, Jerome Caruana Cilia ħarab mid-domanda u sab refuġju fid-domanda ta’ Net News biex ma jagħtix risposta.
Ġurnalist – “Jerome, id-Deputat Alex Borg, il-kollega tiegħek, qal li bil-vot tiegħu fl-emendi fil-liġi tal-IVF, il-Partit Nazzjonalista kiser l-Istatut. Taqbel miegħu, iva jew le?”
Jerome Caruana Cilia – “Diġà saru tweġibiet dwar dan; m’għandi xejn iktar xi nżid.”
Madankollu, tweġibiet mingħand Caruana Cilia fuq din il-materja qatt ma waslu għand il-midja.
Fil-fatt, Jerome Caruana Cilia jibqa’ l-uniku deputat Nazzjonalista li baqa’ ma tkellimx dwar il-pożizzjoni uffiċjali tiegħu dwar jekk jaqbilx mal-emendi fil-liġi tal-IVF.
Dan minkejja rapporti li Jerome Caruana Cilia ma kienx favur l-emendi mressqa.
Sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalu li s-silenzju ta’ Caruana Cilia darras mhux ftit partitarji Nazzjonalisti. Fil-fatt, iddeskrivewh bħala politiku b’nuqqas ta’ stoffa hekk kif beża’ jagħmel pubblika l-pożizzjoni tiegħu dwar din il-materja tant importanti li tolqot lil bosta familji Maltin u Għawdxin.
Din il-kwistjoni tal-IVF kompliet tikkonferma l-qasma, il-ġlied, u l-konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista.