Bil-mewt ta’ Carmen Said, il-Partit Laburista tilef waħda mill-attivisti ewlenin tiegħu fil-gżira Għawdxija. Carmen Said ikkontestat seba’ elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Laburista u għal xi żmien kienet ukoll Sindku tal-Munxar. Fil-fatt kien meta saħħitha ma baqgħetx tippermettilha li Said waqfet taħdem minn din il-kariga.
Minbarra sehem fil-Kunsilli Lokali għal diversi snin, Carmen Said kienet ukoll attiva f’kumitati lokali u distrettwali fejn flimkien ma’ persuni oħra żammet ħaj l-attiviżmu favur il-Partit Laburista u l-kawża tal-ġustizzja soċjali f’Għawdex. Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija.
Min-naħa l-oħra, in-Nisa Laburisti ukoll selmet lil Carmen Said, eks Sindku tal-Munxar. Carmen Said kienet eżempju għal nisa oħra f’diversi oqsma. Għal snin twal, inkluż fi żmien meta l-mara ma kelliex sehem fis-soċjetà daqs illum, Said mexxiet fil-politika u fin-negozju.
Nisa Laburisti tqis li Carmen Said hija eżempju u muddell. Iktar minn hekk Carmen Said ħadet ħsieb li trawwem u tgħid persuni oħra biex huma wkoll jagħtu sehem utli lis-soċjetà.