Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ħabbar li Carmen Ogilvie Galea nħatret Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, waqt li Dr Ian Ellul sar il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tas-Central Procurement and Supplies Unit Structure, is-CPSU.
Galea ggradwat fl-Ekonomija u serviet f’diversi karigi minn meta ngħaqdet mas-Servizz Pubbliku fis-sena 2000. Riċentament kienet qed tokkupa l-kariga ta’ Direttur Ġenerali fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Min-naħa l-oħra, Dr Ellul ħadem mal-Awtorità tal-Mediċini fl-affarijiet regolatorji farmaċewtiċi għal għaxar snin, waqt li fis-CPSU stess ħadem għal diversi snin, primarjament fl-evalwazzjoni ta’ ċikli ta’ akkwist ta’ prodotti farmaċewtiċi.
Il-Ministru responsabbli Jo Etienne Abela awgura lil Galea u Ellul fir-rwol il-ġdid rispettiv tagħhom.