Carmen Ciantar ressqet rikors quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, li qed tmexxi l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Fir-rikors, hija talbitha ssejħilha biex tagħti x-xhieda tagħha fid-dawl ta’ dawk li rreferiet għalihom bħala “allegazzjonijiet kompletament infondati, bla bażi u inveritiera” li saru fil-konfront tagħha u li ġew rappurtati fil-ġurnali u u fuq pjattaformi soċjali.
Fir-rikors semmiet li lbieraħ kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija u talbitu jiftaħ investigazzjoni sħiħa dwar dawn l-ellegazzjonijiet filwaqt li offriet id-dispożizzjoni assoluta u inkondizzjonata tagħha sabiex dan ikun jista’ jseħħ.
L-Erbgħa, Carmen Ciantar offriet li tissospendi ruħha mill-kariga tagħha ta’ Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi waqt li tieħu l-miżuri legali kolllha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiddefendi isimha u l-integrità tagħha.
Il-Ministeru għas-Saħħa qal li “minkejja li l-allegati avvenimenti msemmija f’dawn l-artikli jikkwotaw dati li ġraw qabel l-impjieg tas-Sinjura Ciantar mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, u minkejja li hija rrifjutat l-allegazzjonijiet, id-Deputat Prim Ministru xorta ħass il-ħtieġa li jaċċetta, immedjatament, is-sospensjoni tagħha mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-FMS.”