Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar ikkonfermat li l-investigazzjoni mill-Korp tal-Pulizja b’rabta ma’ allegazzjonijiet serji fil-konfront tagħha, ingħalqet, filwaqt li ma hemm l-ebda bażi għal azzjoni kriminali.
Hija ħabbret dan fi stqarrija mibgħuta lil din il-kamra tal-aħbarijiet hekk kif stqarret li rċeviet komunikazzjoni uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija dwar dan.
Ciantar sostniet li din l-istqarrija tikkonferma dak li ntqal lilha verbalment ftit żmien ilu.
Fl-istqarrija tagħha, Carmen Ciantar tikkwota wkoll il-komunikazzjoni li rċeviet mill-Korp tal-Pulizija fejn jingħad li l-allegazzjonijiet ġew investigati fil-fond u b’reqqa, madankollu m’hemm l-ebda bażi għal azzjoni kriminali fil-konfront tagħha x’tittieħed.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, sit ibbażat fi Brussell, ukoll kien allega li bint Ciantar, irċeviet il-flus biex imbagħad jgħaddu għand id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Madankollu, l-istess sit, jiġifieri l-EU Reporter, ftit wara mhux biss irtira din l-istorja giddieba iżda ammetta li ppubblika storja mimlija allegazzjonijiet foloz.
Quddiem dawn l-allegazzjonijiet, kemm id-Deputat Prim Ministru u anke Ciantar ċaħdu minnufih.
L-istorja giddieba dwar Chris Fearne fost oħrajn hija oħra minn sensiela ta’ stejjer giddieba u foloz li l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kompla jibni fuqhom.
Il-Partit Nazzjonalista uża l-midja tiegħu biex jimmonta stejjer bħal dawn fosthom dwar tattiċi li kienu intużaw anki minn Simon Busuttil dwar l-elezzjonijiet u li għalihom reġa’ kien hemm ċaħdiet kategoriċi.
L-istess bħal ma ġara f’rapport li għamlu ta’ NET News dwar suppost għeluq ta’ kumpanija tal-gaming li keċċiet in-nies f’pajjiżna iżda mbagħad kienet pronta ċ-ċaħda u t-tweġiba mill-kumpanija nnifisha li esponiet il-gideb tal-Partit Nazzjonalista.