Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela indirizza lill-Korp tal-Konsli Onorarji li preżentament hu magħmul minn 60 konslu li jirrapreżentaw 60 pajjiż differenti minn madwar id-dinja.
Fir-rimarki tiegħi, il-Ministru Abela semma’ l-importanza tal-irwol tal-konsli fejn fin-nuqqas t’ambaxxata f’Malta tal-pajjiż li jirrapreżentaw, huma jipprovdu assistenza lil persuni ta’ nazzjonalità barranija f’Mata u jiffaċilita’ iż-żjara tagħhom f’pajjiżna, kemm jekk tkun qasira jew twila.
Dan filwaqt li jaġixxu bħala msieħba vitali li jippromwovu dak kollu li Malta tirrapreżenta. Huwa rrefera għall-irwol tal-konslu bħala wieħed li għandu opportunitajiet b’saħħithom biex jibnu relazzjoni multi-nazzjonali.
“Il-korp tal-konsulat f’Malta għandu l-għarfien lokali li jista’ jiġi wżat biex iżewweġ il-bżonnijiet tal-pajjiż ma’ dawk offruti mis-swieq internazzjonali”, qal Carmelo Abela.
Il-Ministru rrimarka li l-irwol tal-konslu onorarju jmur lil hinn mill-provediment ta’ passaport, visa, dokumenti legali jew assistenza oħra. Il-konslu huwa l-katina mal-komunitajiet internazzjonali mal-pajjiżi li jirrapreżentaw u għalhekk huwa jaġixxu bħala pont kummerċjali u kulturali.
Dan filwaqt li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni f’soċjeta’ multi-kulturali. Il-Ministru tkellem dwar is-suċċess ta’ Malta li issa saret hub għal prosperita’ globali.
F’ekonomija li qed tikber fejn eluf ta’ ħaddiema barranin sabu opportunitajiet ta’ impjiegi f’Malta, l-irwol tal-konslu onorarju huwa li jgħinhom fil-bżonnijiet li dejjem qed jikbru.
Il-Ministru spjega li Malta qed iżżid l-isforzi tagħha fl-Afrika Sub-Sahara mhux biss permezz tal-kummerċ u r-relazzjonijiet bilaterali imma anke permezz ta’ impenn lejn l-iżvilupp sostenibbli.
Huwa tkellem dwar l-irwol pro-attiv ta’ Malta fl-Asja fejn fl-aħħar 14-il xahar, il-Gvern Malti ħa d-deċiżjoni li jiftaħ ambaxxata f’Tokyo u għalhekk jespandi r-relazzjonijiet diplomatiċi fuq livell globali.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ ikkonkluda billi qasam il-viżjoni tal-Gvern Malti. Spjega kif Malta evolviet f’ġuriżdizzjoni iżjed kompetittiva u ambjent attraenti għall-investiment, filwaqt li qed tadotta politika iżjed miftuħa għas-swieqi barranin.
Huwa innota kif fil-Global Competitive Index 2017-2018, Malta ġiet fis-36 post minn 140 pajjiż u rat il-pożizzjoni tagħha imtejba b’iżjed minn 10 postijiet f’6 snin, filwaqt li b’mod sinnifikanti Malta ġiet l-ewwel fl-istabbilta’ macro-ekonomika.