Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġappun f’Tokyo Kazuyuki Nakane.
Iż-żewġ Ministri għarfu l-valuri fundamentali li huma komuni bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll aċċennaw għall-fatt li kemm Malta kif ukoll il-Ġappun jirrispettaw ir-rule of law, id-demokrazija u kif ukoll id-drittijiet umani.
Il-Ministru Carmelo Abela jinsab fil-Ġappun fuq żjara mal-Prim Ministru Joseph Muscat fejn qed jiġi diskuss l-ewwel tip ta’ kummerċ mal-Ġappun, fejn anke ġie diskuss il-Programm JET kif ukoll l-arranġament fuq is-sistema ta’ working holiday li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġappun.
Ġew diskussi wkoll kwistjonijiet reġjonali fosthom il-Korea Ta’ Fuq u s-sitwazzjoni li hemm fin-naħa t’isfel tal-baħar Ċiniż.
Id-delegazzjoni Maltija ħadet 50 persuna l-Ġappun minn ambiti differenti biex jikkonfermaw ir-relazzjoni soda fl-ekonomija bejn iż-żewġ pajjiżi. Abela estenda r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġappun billi stieden delegazzjoni Ġappuniża biex iżur Malta fiż-żmien qarib.
Il-Ministru Abela kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti għall-Ġappun Andre Spiteri.