Li tgħix sa mitt sena hija diġa’ xi ħaġa li mhux kulħadd ikollu x-xorti jagħmilha.
Li tgħix sa 104 hija xi ħaġa li verament ma tiġrix lil ħafna. Iżda din hi l-istorja ta’ Carmela Pulo, li dalgħodu kellha żjara mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali. Carmela hija maħbuba ferm u mħarsa b’għożża f’Cospicua Home.
Tkellimna man-neputi Mario Grixti. Qalilna li Carmela twieldet l-Isla imma minn wara l-aħħar gwerra dejjem għexu Bormla. Kien hemm żmien meta kienet qed tistudja first aid u nursing, imma kellha tieqaf biex tieħu ħsieb lil ħutha. B’kollox kienu ħamest’aħwa, u hi kienet it-tieni waħda. Kellha biss 15-il sena meta tilfet lil missierha.
Għamlet diversi xogħolijiet, fosthom fil-forn, kienet tħit u anke taħsel għand in-nies. Ommha kienet ħajjatha tal-flotta, u meta ma kienx ikun hemm xogħol, kienu jagħmlu dak li hemm bżonn.
Hija laħqet żewġ gwerer, u kien hemm xi żmien meta kienet taħdem fil-Victory Kitchen.
“Għexet ħajja sempliċi b’ċertu valuri li dejjem għożżithom. Taf tgħix il-ħajja fis-sempliċità tagħha” qalilna Grixti.
“Dejjem ħadet ħsieb il-familja – infatti kellha tidħol fi rwol insolitu meta ġie nieqed missierha” kompla jispjegalna, u qal li wħud minn ħutha kellhom biss madwar sentejn. Illum Carmela għandha ħmistax-il neputi l-Awstralja u madwar sitta oħra Malta.
Satqsejna kif irreaġixxiet għall-festin li organizzawlha llum, u qalilna li bħala ħin u orjentament, Carmela taf mija fil-mija dak li hu għaddej. Infatti, spjegalna, meta żarha l-Ministru, riedet tqum bilwieqfa biex tilqgħu. Carmela għadha attiva fiżikament, riflessjoni tal-karattru dejjem bieżel tagħha.
Fl-aħħar in-neputi rrakkontalna xi ħaġa li verament laqtitna. “Id-dixxiplina kollox għaliha. Tant li filgħaxija, għad-deżerta, intiha żewġ Maltesers. Jekk intiha t-tielet waħda, tħarisli bl-ikraħ!”
Forsi din id-dixxiplina s-sigriet għal ħajja twila?
Li hu żgur hu li Carmela provdiet tifsira ġdida għall-frażi “ad multos annos”!