ONE News jinsab informat li d-deputati Nazzjonalisti Carm Mifsud Bonnici u Joe Giglio ma tfaċċawx għal-laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonalista, tal-Ħamis li għadda, li eleġġiet lil Charles Bonello bħala Segretarju Ġenerali.
Giglio hu magħruf li xejn ma jmur tajjeb mal-fazzjoni estremista ta’ Karol Aquilina u li poġġiet lil Bonello bħala Segretarju Ġenerali. Aquilina u miegħu Jason Azzopardi ilhom sa minn meta Giglio kien kandidat, jaħmdu kontriħ u jagħmlulu l-bsaten fir-roti.
Carm Mifsud Bonnici wkoll ma tfaċċax għall-Eżekuttiv. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Bernice Bonello, bint Charles Bonello, ikkontestat fuq ir-raba’ distrett elettorali li fuqu jikkontesta wkoll Mifsud Bonnici. ONE News informat li Mifsud Bonnici xejn ma jara għajn m’għajn ma’ ta’ Bonello.
Dawn jingħaqdu ma’ Mark Anthony Sammut u Julie Zahra li vvotaw kontra l-ħatra ta’ Bonello bħala Segretarju Ġenerali, kif ħabbar ONE News, il-Ġimgħa.
Hu mifhum, li minn 88 membru tal-Eżekuttiv Nazzjonalista eleġibbli biex jivvotaw – 32 membru ma ivvotawx għal Bonello.