Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici ddikjara l-pożizzjoni tiegħu li kien jivvota kontra l-emendi fil-liġi tal-IVF li kieku kien disponibbli biex jattendi seduta parlamentari tal-Erbgħa filgħaxija.
Biex b’hekk kompla jikber in-numru ta’ Deputati Nazzjonalisti li kissruha minn mal-Kap Bernard Grech u komplew jikkonfermaw il-qasma li għada tiddomina fil-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar seduta parlamentari qabel il-Parlament aġġorna għas-sajf ittieħed vot biex tiġi emendata l-liġi tal-IVF wara li kienet imwiegħda li titwettaq fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġislatura mill-Partit Laburista fl-aħħar kampanja elettorali.
Madankollu minkejja li din il-liġi għaddiet mill-istadju tat-tielet qari, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ma vvutatx b’mod sħiħ favur din il-liġi għall-familji Maltin u Għawdxin.
Fil-fatt, mal-mument li l-Ispeaker Anġlu Farrugia għajjat għal vot sempliċi fil-konfront ta’ din il-liġi, id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, kien l-ewwel li kisirha minn mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Fix-xandira Parlamentari malli l-Ispeaker għajjat għall-vot sempliċi Adrian Delia instema’ jgħid ‘le’ u sussegwentement spjega li mhux se jkun qed jivvota mal-linja ta’ Bernard Grech, biex b’hekk il-vot mar għal Division.
Qal, “Ħa nivvota le.”
Immedjatament biex jirremedja din is-sitwazzjoni mbarazzanti għall-Partit Nazzjonalista, qam id-Deputat Stephen Spiteri fejn tenna li l-bqija tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu se jivvota ‘iva’ favur l-emendi għal din il-liġi.
Stqarr, “Xtaqt nirrapreżenta lill-kumplament tal-Grupp li se jivvota iva llum għal din il-liġi.”
Madankollu kien hawn li fil-fatt numru ta’ Deputati Nazzjonalisti ġabu fix-xejn id-dikjarazzjoni ta’ Spiteri li l-bqija tal-Grupp Parlamentari kien se jivvota “iva.”
Dan hekk kif flimkien ma’ Adrian Delia, Alex Borg u Ivan Bartolo tal-Mosta, vvutaw kontra.
Apparti t-tlett voti kontra ma attendewx għas-seduta Jerome Caruana Cilia u Chris Said li skond rapport ukoll kienu l-kontra l-pożizzjoni tal-Kap fuq din il-materja tant importanti.
Kien hawn li d-Deputat Carm Mifsud Bonnici ċċara l-pożizzjoni tiegħu fuq Facebook hekk kif spjega li ma setax jattendi s-seduta Parlamentari madankollu tenna li għażel li fuq l-Aġenda Parlamentari ma jitniżżilx bħala skużat iżda bħala assenti.
Mifsud Bonnici b’hekk temm jgħid li b’din il-pożizzjoni qed jisħaq mingħajr ambigwità fuq in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-pożizzjoni tal-Kap.
B’hekk kompliet tispikka l-konfużjoni u n-nuqaas ta’ għaqda fuq materja politika fil-Partit Nazzjonalista hekk kif tul l-istadji kollha ta’ din il-liġi esprimiet pożizzjonijiet kuntrastanti għal xulxin u messaġġi differenti.
Dan b’differenza għall-membri parlamentari tal-Gvern li llkoll ivvuttaw favur din il-liġi li se tgħin aktar persuni jsiru ġenituri u li tħares il-familji Maltin u Għawdxin.