Id-Deputat u Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riformi Kostituzzjonali u d-Drittijiet Umani, Carmelo Mifsud Bonnici, esprima ruħu kontra l-pożizzjoni li ħa l-Partit Nazzjonalista stess u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista u President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, biex l-Unjoni Ewropea tarma sa snienha bl-armamenti, inkluż dawk tal-qerda tal-massa.
F’diskors fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija, Mifsud Bonnici appella għall-waqfien mill-ġlied u tkellem kontra l-għoti tal-armamenti – hekk kif il-pajjiżi, flok jonfqu ġidhom biex itejbu ħajjet iċ-ċittadini tagħhom, qed jużaw dawn il-finanzjamenti biex jixtru l-armamenti.
“Inbidel ix-xenarju ġeo-politiku internazzjonali u ġab lura sitwazzjoni fejn il-pajjiżi, minflok jonfqu l-flus biex ikun hemm il-progress soċjali u l-progress ekonomiku, minflok qed naraw aktar flus ivvotati biex isiru u jinħadmu u jiġu mmanifatturati l-armamenti.”
Dan b’kuntrast tal-pożizzjoni li qed jimbottaw kemm Metsola, il-Partit Nazzjonalista u l-familja Ewropea tiegħu, il-Grupp tal-Partiti Popolari, l-EPP, fejn il-President tiegħu Manfred Weber saħansitra jrid li l-Unjoni Ewropea tkun armata bl-armi nukleari.
Minbarra hekk, is-sit awtorevoli Politico wkoll ikkwota d-dikjarazzjonijiet ta’ Metsola fejn qalet li l-Ewropa għandha ssaħħaħ l-armamenti tagħha u tkun lesta għal dak li jinqala’, anke mingħajr l-appoġġ tal-Istati Uniti.
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista saħqet li l-Parlament Ewropew għandu jkompli jimbotta xiri konġunt u żvilupp ta’ armi li jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
B’botta ċara, iżda, id-Deputat veteran Nazzjonalista Mifsud Bonnici kkritika diversi pajjiżi u istituzzjonijiet li qed jiffaċilitaw il-gwerer permezz tal-għoti tal-armamenti, fosthom l-Unjoni Ewropea stess.
“L-Amerka tibgħat aktar armi fl-Ukrajna, f’Iżrael, l-Ewropej jibgħatu aktar armi fl-Ukrajna, biex il-kumbattiment ikompli għaddej u ma jiqafx.”