Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici huwa l-aħħar deputat tal-Partit Nazzjonalista li ddikjara li ma ddispjaċihx li kien kontra l-emendi fil-liġi tal-IVF, li għaddew mill-Parlament f’Lulju li għadda.
Permezz ta’ dawn l-emendi, aktar koppji llum il-ġurnata jistgħu jsiru ġenituri.
Carm Mifsud Bonnici qal “Hemm linja ta’ prinċipju bejn dak li huwa aċċettabbli etikament u wkoll fir-rigward fil-protezzjoni tal-ħajja u dak li mhuwiex.”
Carm Mifsud Bonnici tal-Partit Nazzjonalista kien wieħed mid-Deputati li ma attendiex għal dan il-vot tant importanti li fost oħrajn għamel aktar aċċessibbli l-proċessi tal-IVF għal aktar ġenituri prospettivi.
Filwaqt li Carm Mifsud Bonnici ma kienx attenda għal dan il-vot, huwa kien talab li fuq l-Aġenda Parlamentari ma jitniżżilx bħala skużat iżda bħala assenti.
Mifsud Bonnici b’hekk, permezz ta’ stqarrija fuq Facebook, kien sostna li b’din il-pożizzjoni qed jisħaq mingħajr ambigwità fuq in-nuqqas ta’ qbil tiegħu favur dawn l-emendi.
Intant hekk kif ONE News irrapporta li d-Deputat Alex Borg ukoll ma ddispjaċihx dwar il-vot tiegħu kontra dawn l-emendi, id-Deputat u eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia feraħ lil Borg talli żamm mal-pożizzjoni tiegħu.
B’hekk, l-eks Kap Nazzjonalista wkoll ingħaqad ma’ Borg u Mifsud Bonnici li, mingħajr dispjaċir, kienu kontra dawn l-emendi tant importanti.