Carlo Diacono, kompożitur prolifiku li mhux biss għamel ġieh liż-Żejtun iżda anki lil Malta hekk kif huwa ġgant mużikali li offra pajjiżna. F’għeluq il-ħamsa u sebgħin anniversarju mill-mewt ta’ Diacono, l-għaqda Wirt iż-Żejtun ħasbet li tippubblika ktieb dwaru. Ruben Abela, il-President tal-għaqda u l-editur tal-ktieb spjega li dan il-ktieb huwa t-tieni wieħed minn kullana li qed toħroġ Wirt iż-Żejtun dwar nies li għamlu ġieh lill-belt Beland.
Intant preżenti għat-tnedija tal-ktieb fil-mużew tal-arti biswit il-knisja parrokjali ta’ Santa Katarina kien hemm il-Ministru responsabbli mill-kultura Owen Bonnici. Il-Ministru Owen Bonnici mhux biss faħħar l-inizzjattiva tal-għaqda miż-Żejtun iżda anki fakkar fl-inizzjattivi li ħa l-Gvern biex persunaġġi bħal Carlo Diacono jibqgħu mfakkra. Qal li overture mill-opra Alpino li ħarġet mill-pinna ta’ Carlo Diacono ndaqqet f’kunċert fil-Belġju li mmarka l-bidu tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Owen Bonnici semma wkoll kif din il-pubblikazzjoni hija parti minn sforz biex l-aċċess għall-kultura jibqa’ sod, kif tixhed statistika li ħarġet mill-uffiċju nazzjonali tal-istatistika li wriet kif wieħed u disgħin fil-mija tal-popolazzjoni Maltija tħoss li l-kultura hi aċċessibli għaliha.