Caritas Malta laqgħet b’sodisfazzjoni l-White Paper dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera.
Fi stqarrija spjegat kif hi tilqa’ din id-dikjarazzjoni ta’ prinċipji li fiha u li jimmiraw għal stabbilità, sostenibilita, protezzjoni u garanziji għall-kerrej kif ukoll għas-sid. Fost il-miżuri biex jintlaħqu dawn il-prinċipji huma r-reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-kera; id-depożitu tal-kera li jrid jiġi ddikjarat kif ukoll l-inventarju; l-inċentivar ta’ kuntratti fit-tul b’żieda stabbilita u aċċess regolat għas-servizzi tad-dawl u l-ilma.Spjegat kif din il-White Paper tagħti stampa ddettaljata u studjata tax-xejriet ekonomiċi u soċjali u l-bidliet fis-suq tal-kera. Fil-kuntest tal-iżvilupp ekonomiku, din l-istampa tindika żieda fit-talba għal kirjiet privati minħabba, fost oħrajn, żieda fis-separazzjonijiet personali u divorzji; single parenthood, inqas affordabilità ta’ akkomodazzjoni; żieda ta’ ħaddiema barranin; u żieda fit-talbiet għal kiri mit-turiżmu.
L-istqarrija tgħid kif Caritas Malta ilha tesprimi t-tħassib tagħha għal persuni f’faxxa tas-socjetà tagħna li m’għandhomx dħul biżżejjed biex ilaħħqu maż-żieda fl-għoli tal-ħajja u wisq iktar maż-żiedet fil-kirjiet privati. Din is-sitwazzjoni iktar tiggrava ruħha f’każijiet ta’ persuni emarġinati soċjalment, dawk li jbatu minn xi kundizzjoni fiżika jew mentali, l-anzjani u persuni li qed jippruvaw joħorġu minn xi dipendenza.
Kien għalekk li laqgħet b’sodisfazzjon din ir-riforma.