Il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona, se jkun qed jieħu passi legali fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia li matul il-jum tellgħet sensiela ta’ artikli b’allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Hi kitbet li kien f’burdell il-Ġermanja waqt li kien fuq xogħol uffiċjali tal-gvern.
Wara ċaħda immedjata, iktar tard Cardona ħareġ stqarrija oħra u qal li f id-dawl tal-fatt li l-blogger qed tibqa’ tippersisti tigdeb u toħloq stejjer fittizji fil-konfront tiegħu mhemmx triq oħra għajr il-passi legali.
Fl-ewwel stqarrija tiegħu Cardona qal li dawn l-allegazzjonijiet huma biss gidba sfaċċata oħra intiża biss biex tħammeġ l-individwi u tissuġġetthom għall-assasinju tal-karattru.
Intqal din ma kinetx l-ewwel okkażjoni li l-Ministru Cardona spiċċa fil-mira ta’ din il-blogger u żied li mhux se jjħalli dawn l-attakki jtellfuh mill-impenn li jkompli jaħdem biex jattira l-investiment, joħloq klima ekonomika b’saħħitha, u fuq kollox aktar opportunitajiet ta’ xogħol.